Internazzjonali

Trump ‘jikseb biżżejjed delegati’ għan-nomina Repubblikana

Numru ta’ aġenziji tal-istampa Amerikani qalu li l-biljunarju Donald Trump kiseb l-ammont tad-delegati meħtieġa biex jaċċerta min-nomina tal-Partit Repubblikan bħala l-kandidat li, f’Novembru, jisfida lill-kandidat tal-Partit Demokratiku fl-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Skont l-għadd tad-delegati, Trump, issa, laħaq il-kwota stabbilita, ladarba saret magħrufa ‘l-għażla’ ta’ numru żgħir ta’ delegati mal-Partit Repubblikan li qabel ma kienu impenjaw ruħhom għall-ebda kandidat. Ir-rapporti qalu li dawn id-delegati infurmaw lill-Associated Press li huma għadhom jappoġġjaw lil Trump waqt il-konvenzjoni tal-Partit Repubblikan li ssir f’Lulju.

L-indikazzjonijiet huma li Trump – li għeleb lil 16-il sfidant ieħor għan-nomina Repubblikana – issa għandu mal-1,238 delegat, jew wieħed aktar mill-ammont meħtieġ biex jaċċerta minn postu bħala protagonista fit-tellieqa finali għall-White House.