Internazzjonali

Trump u Sanders rebbieħa fi New Hampshire

Donald Trump f’isem ir-Repubblikani u Bernie Sanders f’isem id-Demokratiċi rebħu l-istat ta’ New Hampshire f’elezzjonijiet tal-primarji li qed isiru f’tellieqa biex jintgħażlu l-kandidati Presidenzjali għaż-żewġ partiti politiċi.

Filwaqt li l-biljunarju Donald Trump rebaħ b’distakk ta’ kważi d-doppju mill-kandidat li klassifika fit-tieni post għar-Repubblikan, Sanders irnexxielu jgħaddi lil Hilary Clinton b’distakk kbir.

Il-Gvernatur ta’ Ohio John Kasich ġie fit-tieni post għar-Repubblikani, b’Jeb Bush, Ted Cruz u Marco Rubio jiġġieldu għat-tielet post.

New Hampshire hu t-tieni stat Amerikan, wara Iowa, li qed jagħżel il-kandidati favoriti tiegħu f’tiġrija twila li twssal biex iż-żewġ partiti politiċi fl-aħħar jagħżlu l-kandidati Presidenzjali tagħhom.

F’Iowa, it-tiġrija bejn ir-Repubblikani ntrebħet minn Ted Cruz filwaqt li t-tiġrija bejn id-Demokratiċi kienet intrebħet minn Hilary Clinton.

Issa jmiss l-istati ta’ South Carolina u Nevada li jgħaddu mill-istess proċess.