Internazzjonali

It-Tuneżija ‘ma tinvolvix ruħha’ f’xi gwerra fil-Libja

Il-Gvern tat-Tuneżija ikkonferma li hu lest kollu kemm hu għall-eventwalità ta’ gwerra ġdida potenzjali fil-Libja, bit-tħejjijiet jinkorporaw l-aspetti tas-sigurtà flimkien ma’ dawk militari u umanitarji. Intant, l-awtoritajiet Tuneżini għamluha ċara li ‘pajjiżhom mhux se jkun involut fi kwalunkwe gwerra li n-NATO tista’ tiddeċiedi li twettaq (fil-Libja)’, anki jekk din il-kampanja tkun intiża għall-qerda tal-ISIS.

Il-Libja hi ġar tat-Tuneżija u Khaled Shawkat, kelliem għall-Gvern Tuneżin, qal li pajjiżu qed jiddiskuti s-sitwazzjoni ma’ Martin Kobler, ir-Rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja. Huma qed jiddiskutu dak kollu possibbli fir-rigward tal-entitajiet Libjani u l-qawwiet internazzjonali kkonċernati bit-tama li l-Libja tevita l-gwerra.

Filwaqt li t-Tuneżija qed tibni ħajt tad-difiża (twil 200 kilometru) tul il-fruntiera mal-Libja, Shawkat sostna li pajjiżu mhux se jagħlaq il-fruntieri mal-ġar. Hu kompla li pajjiżu jilqa’ liċ-ċittadini Libjani li qed ifittxu r-refuġju mill-vjolenza fl-artijiet tal-Libja.

Fl-istess ħin, it-Tuneżija hi ddeterminata li tiffaċċja t-theddid terroristiku kollu għalkemm se żżomm l-impenn diplomatiku biex ma tindaħalx fl-affarijiet interni tal-Libja.