Internazzjonali

It-Tuneżija tagħlaq il-fruntiera mal-Libja

L-awtoritajiet Tuneżini għalqu l-fruntiera mal-Libja wara l-attakk suwiċida tat-Tlieta fil-qalba tal-belt kapitali Tuneż, fejn inqatlu 12-il gwardjan tal-Presidenza. It-terroristi tal-ISIS, intant, assumew ir-responsabbiltà għall-istraġi.
L-awtoritajiet Tuneżini ma tawx raġuni għaliex qegħdin jagħlqu l-fruntiera, imma l-Ministeru tal-Intern f’Tuneż sostna li l-isplussiv li ntuża fl-attakk tat-Tlieta aktarx inxtara illegalment mil-Libja.
Il-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali mmexxi mill-President Tuneżin Beji Caid Essebsi ddeċieda li jagħlaq il-fruntiera fost is-sorveljanza miżjuda tal-fruntieri marittimi kif ukoll fl-ajruporti. Kien deċiż ukoll li t-Tuneżija żżid l-inizjattivi biex timblokka l-websajts fuq l-internet li għandhom rabtiet mat-terroriżmu.
L-awtoritajiet Tuneżini, fl-istess ħin, għandhom jieħdu miżuri urġenti rigward persuni li jirritornaw miz-zoni tal-konflitti u b’rispett lejn liġijiet għal kontra t-terroriżmu.
Aktar qabel, il-Ministeru tat-Trasport Tuneżin qal li s-sigurtà qed tkun rinfurzata fl-inħawi tal-portijiet u l-passiġġieri biss se jitħallew jidħlu fl-ajruport internazzjonali ta’ Tuneż. Dan waqt li l-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali ħabbar li l-Gvern għandu jirrekluta aktar qawwiet tas-sigurtà.
L-awtoritajiet fit-Tuneżija qalu li eluf ta’ Tuneżini vvjaġġaw lejn il-Libja, kif ukoll lejn l-Iraq u s-Sirja, biex jiġġieldu spalla ma’ spalla mal-estremisti Iżlamiċi.
Kelliema għall-ISIS li tkellmu dwar l-attakk tat-Tlieta f’Tuneż qalu li raġel Tuneżin li kien liebes ċinturin tal-isplussivi tela’ fuq xarabank li kien ftit mijiet ta’ metri ’l bogħod mill-Ministeru għall-Intern u li dak il-ħin kien qed itella’ lill-gwardjani. L-isplużjoni suwiċida sussegwenti qatlet 12-il gwardjan, minbarra li ħalliet madwar 20 feruti.
L-azzjoni terroristika kienet segwita minn direttiva speċifika tal-President Essebsi biex l-awtoritajiet jimponu curfew għal Tuneż, filwaqt li l-pajjiż adotta stat ta’ emerġenza fuq bażi nazzjonali.