Internazzjonali

It-Tuneżija tibni ħajt tas-sigurtà mal-Libja

L-awtoritajiet fit-Tuneżija qalu li lestew l-ewwel parti ta’ ħajt tas-sigurtà, twil mal-200 kilometru, tul il-fruntiera mal-Libja. L-iskop ewlieni tal-ħajt – li jinkorpora munzelli għoljin tar-ramel u trinek mimlijin bl-ilma – hu li jevita t-terroriżmu qalb iz-zoni Tuneżini.

Il-pjani għall-ħajt tas-sigurtà tħabbru matul is-sajf li għadda wara li aggressur, li jingħad li kien tħarreġ għal missjoni terroristika fil-Libja, wettaq massakru ta’ turisti fil-bajja ta’ Sousse, fit-Tuneżija. Fl-attakk inqatlu 38 persuna, fil-parti kbira turisti Britanniċi.

Il-Ministeru tad-Difiża Tuneżin, issa, qal li t-tieni parti tal-proġett tad-difiża jinvolvi l-istallar ta’ tagħmir elettroniku u li dan se jsir bl-għajnuna tal-Ġermanja u l-Istati Uniti.

Il-qawwiet tas-sigurtà Tuneżini, intant, tennew li s-sistema tad-difiżi ( li anki tilqa’ għall-movimenti ta’ vetturi mal-fruntiera) diġà għenet ‘biex jonqos it-traffikar fl-inħawi’.

Il-Ministru tad-Difiża Tuneżin, Farhat Horchani, spjega li l-ħajt tad-difiża se jkun strumentali għall-protezzjoni tal-fruntiera, meta ‘l fuq minn 3,000 Tuneżin issieħbu mal-ISIS u ma’ militanti Iżlamiċi oħra fis-Sirja u l-Iraq. Horchani qal ukoll li ‘ħafna minn dawn it-terroristi issa rritornaw biex jissieħbu mal-ISIS fil-Libja’.

Dan meta l-Libja ilha tbati minn kaos u nuqqas ta’ stabbilità mindu tqaċċat ir-reġim tal-eksdittatur Libjan, Muammar Gaddafi, waqt il-konflitt ċivili tal-2011. Il-Libja, fil-preżent, għandha żewġ Gvernijiet rivali – wieħed f’Tobruk li jgawdi għarfien internazzjonali u l-ieħor appoġġjat mill-Iżlamiċi li hu stabbilit fi Tripli.

L-ISIS, fl-aħħar xhur, ħataf il-kontroll ta’ Sirte, il-belt Libjana fejn kien trabba Muammar Gaddafi, u l-aħħar rapporti qalu li t-terroristi qegħdin jikkonsolidaw posthom f’din iz-zona bil-ħsieb li jinfirxu lejn bnadi oħra tal-Libja.