Ekonomija Lokali

Tunisie Telecom magħżul bħala l-offerent preferut għall-ishma ta’ GO plc

Il-kumpanija GO plc għażlet lil La Société Nationale des Télécommunications (Tunisie Telecom) bħala l-offerent preferut għall-bejgħ tal-ishma fil-kumpanija. Tunisie Telecom se tippreżenta offerti għall-ishma fil-kumpanija bil-prezz ta’ €2.87 għal kull sehem.

Ix-‘share capital’ tal-kumpanija hu ta’ €58.9 miljun diviż f’101,310,488 sehem ordinarju, li minnhom Tecom Investments (Dubai) għandha 60%. Il-Gvern tat-Tuneżija hu l-akbar azzjonist fil-La Société Nationale des Télécommunications (Tunisie Telecom), li twaqqfet fl-1996 u li għandha madwar sitt miljun klijent fit-Tuneżija, filwaqt li timpjega madwar 8,000 persuna.

Il-kumpanija Tuneżina diġà għandha konnessjoni mal-GO għax it-tnejn jaqsmu l-istess azzjonist. Fl-2006, Tecom Investments xtrat 35% fil-kumpanija Tuneżina. Qabel għamlet din l-azzjoni, il-kumpanija GO neħħiet għal kumpanija oħra l-portafoll tal-propjetà, li jiswa aktar minn €50 miljun.