Internazzjonali

Turisiti fil-mira fit-Tajlandja

TWISSJA LI FIL-FILM HEMM XENI GRAFIĊI TA’ VJOLENZA

Hemm tħassib għas-settur turistiku fit-Tajlandja wara li kien hemm inċident ieħor fejn turisti mill-Punent sfaw fil-mira ta’ attakk vjolenti.
L-aħħar każ jinvolvi familja Ingliża – Lewis Owen flimkien ma’ ommu Rosemary ta’ 65, u missieru Lewis ta’ 68 sena – li sfaw attakkati ta’ xejn b’xejn minn grupp ta’ rġiel waqt li kienu mixjin mit-toroq ta’ Hua Hin, li hi magħrufa bħala zona favorita għat-turisti li jmorru bil-familja. L-attakk sar minn grupp ta’ rġiel – u t-tlieta li huma bl-omm ukoll – tħallew mitlufa minn sensihom mal-art bid-daqqiet li ngħataw. Filmat tal-attakk qanqal għadab kbir fuq l-Internet. L-omm għall-ewwel tingħata daqqa’ ta’ ponn f’wiċċha u mbagħad hekk kif tipprova tqum tispiċċa mimlija daqqiet ta’ sieq.
Xhieda tal-attakk qalu li l-familja spiċċat fil-mira sempliċement għax kienet mill-Punent.
B’rabta mal-attakk ta’ Hua Hin, il-Pulizija arrestat tliet irġiel u qed issir tfittxija għal ieħor. L-attakk seħħ hekk kif fil-belt kienu qed isiru ċelebrazzjonijiet lokali magħrufa bħala s-Sena l-Ġdida ta’ Songkran, magħrufa wkoll bħala l-Festival tal-Ilma.
Fl-istess żmien kien hemm ukoll rapporti ta’ turisti li spiċċaw fil-mira f’Pattaya. Hawn jidher li qed jiżdiedu l-attakki minn ħaddiema fl-industrija tas-sess kontra t-turisti.