Għawdex

It-turiżmu f’Għawdex jirrapporta sena tajba

Stħarriġ mill-assoċjazzjoni turistika t’Għawdex fost operaturi turistiċi juri riżultati pożittivi għas-settur matul l-2015.

64% tas-sidien irrappurtaw negozju aħjar fl-2015 milli fl-2014 u 28% irrappurtaw l-istess livell ta’ negozju. 8% biss qalu li n-negozju tagħhom matul l-2015 mar agħar mill-2014.

L-istabilimenti turistiċi Għawdxin irrappurtaw ukoll titjib mis-settur barrani, li l-GTA qalet li hu s-suq prinċipali tat-turiżmu f’Għawdex. 68% irrappurtaw titjib fl-2015 u 21% qalu li s-suq baqa’ bħal dak tal-2014. 11% irrappurtaw negozju agħar fl-2015 fuq l-2014 fejn jidħol is-suq barrani.

27% qalu li s-suq intern kien aħjar fl-aħħar sena, 58% qalu li kien l-istess bħall-2014 u 15% kellhom inqas bejgħ lis-suq intern.

6% qalu li kellhom qliegħ tajjeb ħafna u 8% kellhom qliegħ ħażin, 43% irrappurtaw qliegħ ġust u 42% oħra rrappurtaw qliegħ tajjeb.

L-operaturi turistiċi saħqu li l-iktar fatturi li affettwaw b’mod negattiv in-negozju tagħhom kienu l-ispejjeż marbuta max-xogħol u spejjeż oħra finanzjarji, in-nuqqas ta’ ħaddiema u x-xogħlijiet fit-toroq.

Il-GTA qalet li l-membri intervistati huma bejn ħaltejn dwar jekk l-2016 hix se tkun aħjar mill-2015, b’45% tagħhom jgħidu li iva waqt li daqstant ieħor iqisu li din is-sena se tkun fil-livell tas-sena li għaddiet.