Ekonomija Kummerċ Lokali

“It-turiżmu ma jistax jiġi ikkunsidrat li se jibqa’ jkun suċċess” – MHRA

“Ejja ma nqisux is-suċċess fis-settur turistiku bħala dritt. Irridu nibqgħu iffukati u nfittxu aktar soluzzjonijiet biex Malta tibqa’ tagħmel suċċess”, hekk stqarret il-Malta Hotel & Restaurants Association (MHRA) fi stqarrija dwar il-Brexit indirizzata lill-Gvern Malti u lill-ALPA (Airline Pilots Association – Malta).

Fl-istqarrija, l-MHRA qalet li minn perspettiva’ lokali, bħalissa l-Air Malta hi probabilment l-aktar sfida kbira għall-Gvern Malti u li d-deċiżjonijiet li jittieħdu llum se jaffetwaw il-futur tas-settur turistiku f’pajjiżna. L-assoċjazzjoni kompliet li l-Gvern irid jassigura li n-negozjati li għaddejin bħalissa dwar il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru Maltija, għandha primarjament tikkonsidra bħala l-mira tagħha li tibqa’ taħt il-kontroll tal-Maltin. Meta it-triq issir diffiċli hu l-istadju fejn tirrealizza kemm hu importanti li jkollok tmexxija taħt idejk fit-tmun ta’ waħda mill-akbar forzi fis-settur turistiku Malti, stqarret l-MHRA.

L-MHRA qalet ukoll li l-Air Malta hi affetwata wkoll mill-miżuri tal-ALPA, u li ħeġġet lil din l-assoċjazzjoni sabiex taġixxi bi prudenza u ma tieħux deċiżjonijiet li ma jħarsux għall-futur, li jistgħu jaffetwaw it-turisti milli jiġu lejn pajjiżna. L-assoċjazzjoni fakkret lill-ALPA li l-azzjonijiet tagħha, li huma immotivati minn talbiet għal żieda fil-pagi u titjieb fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, diġa qed ikunu ta’ theddida għall-industrija u l-għejxien ta’ eluf ta’ familji.

L-Assoċjazzjoni MHRA fl-istess stqarrija ħabbret li l-ġimgħa l-oħra ikkummussjonat lill-kumpanija Deloitte sabiex tagħmel sondaġġ dwar l-industrija Maltija tat-turiżmu, fejn ir-riżultati juru li l-lukandi u restaurants Maltin għahdom kunfidenti fis-settur, iżda li dan is-suċċess ma jridx jiġi meqjus bħala garantit, u li hu settur sensittiv ħafna għall-deċiżjonijiet ekonomiċi u poltiċi.