Internazzjonali

It-Turkija: Konnessjoni bejn l-ISIS u attakk qattiel fil-belt ta’ Gaziantep

Aggressur suwiċida li kien qed isuq karozza-bomba dalgħodu wettaq splużjoni kbira fil-belt ta’ Gaziantep, lejn ix-Xlokk tat-Turkija u qrib il-fruntiera mas-Sirja. Fl-attakk mietu almenu zewg pulizija, b’numru ta’ persuni, inklużi pulizija u ċivili, jisfaw midruba.

L-isplużjoni seħħet ftit ‘il barra mill-kwartieri-ġenerali tal-pulizija f’Gaziantep u l-aħħar statistika sostniet li l-feruti kienu qabżu l-għoxrin.

Il-Pulizija, aktar tard, wettqet rejd fid-dar tas-suspettat aggressur li jaħsbu li kien terrorista mal-grupp ISIS li qed jikkontrolla artijiet fis-Sirja u l-Iraq. Missier is-suspettat, intant, inżamm biex ikun suġġett għal testijiet tad-DNA.

Fl-aħħar xhur, it-Turkija intlaqtet minn sensiela ta’ splużjonijiet assoċjati mal-ISIS inkella mal-gruppi militanti tal-Kurdi. L-attakki saru f’inħawi ta’ bliet prinċipali bħal Ankara, Istanbul u Bursa li kollha spiċċaw mira ta’ aggressuri suwiċida.

Fi żvilupp ieħor, il-pulizija Torka arrestat erba’ suspettati membri tal-ISIS li jaħsbu li kienu qed iħejju biex iwettqu attakk f’Ankara waqt il-parati organizzati biex ifakkru Jum l-Ewwel ta’ Mejju.

Sadanittant, il-Pulizija f’Istanbul użat il-kanuni tal-ilma u l-gass tad-dmugħ biex tferrex dimostranti li kienu qed jippruvaw itellgħu rally għall-Ewwel ta’ Mejju fi Pjazza Taksim, fejn, fl-2013, kienu saru sensiela ta’ protesti vjolenti kontra l-Gvern Tork.