Internazzjonali

It-Turkija: Pulizija maqtula f’attakk b’karozza-bomba f’Cizre

It-Turkija ġarrbet attakk ieħor terroristiku fejn mietu 1-il pulizija fi splużjoni ta’ karozza-bomba fil-belt ta’ Cizre, lejn ix-xlokk tal-pajjiż.

L-attakk, li laqat kwartieri tal-pulizija, kien immirat għal checkpoint f’dik iz-zona u ħalla wkoll għexieren ta’ midruba, fil-parti kbira nett pulizija.

Il-kwartieri tal-pulizija spiċċaw meqruda fl-attakk u l-Prim Ministru tat-Turkija Binali Yildirim qed iwaħħal l-istraġi fir-ribelli Kurdi tal-grupp PKK.

Il-Prim Ministru Tork qal ukoll li l-aggressuri ‘jridu jpattu għal dan l-attakk’, meta l-belt ta’ Cizre, li tinsab qrib il-fruntiera tas-Sirja, fil-passat kienet suġġetta għal diversi miżuri ta’ sigurtà mill-awtoritajiet Torok li qed jiġġieldu kontra l-PKK.

Il-militanti tal-PKK wettqu diversi attakki fuq il-qawwiet tas-sigurtà Torok mindu, f’Lulju tal-2015, ikkrolla l-ftehim għal waqfien mill-ġlied bejn l-istess ġellieda Kurdi u Ankara, li kien ilu effettiv għal sentejn.

Minn dak iż-żmien, l-azzjonijiet militari fix-Xlokk tat-Turkija u l-attakki bi tpattija mill-militanti tal-PKK swew il-ħajja ta’ mijiet – militar, gwerrillieri u daqstant ieħor ċivili.

Dan meta l-konflitt bejn il-Gvern Tork u l-PKK ma jidhirx li għandu jonqos, bl-amministrazzjoni f’Ankara tiċħad għal negozjati mal-gwerillieri Kurdi qabel taċċerta mid-diżarm totali tal-PKK.

Minbarra l-battalji mal-PKK, it-Turkija qed tinvolvi ruħha aktar fil-konflitt kontra t-terroristi tal-ISIS li fl-aħħar xhur wettqu sensiela ta’ attakki qattiela fl-artijiet Torok.

L-aħħar rapporti qalu li ġellieda tal-ISIS ħarbu mill-belt Sirjana ta’ Jarablus anqas minn jum wara li vetturi militari tat-Turkija qasmu l-fruntiera tas-Sirja biex jeħilsu l-istess belt minn idejn l-ISIS. Ingħad li t-terroristi ħarbu minn Jarablus qabel it-truppi Torok laħqu l-limiti tal-belt (fit-Tramuntana tas-Sirja) u li grupp ta’ ribelli appoġġjati minn Ankara ‘setgħu jieħdu kontroll ta’ xi kwartieri tal-belt mingħajr ma ltaqgħu ma’ reżistenza’.

L-infiltrazzjoni mill-konvojs militari tat-Turkija qanqlet rabja mill-Gvern ta’ Damasku li jqis din l-inkursjoni bħala abbuż tas-sovranità tas-Sirja.