Internazzjonali

It-Turkija se tgħaddi l-katavru tal-pilota maqtul lir-Russja

L-awtoritajiet fit-Turkija qalu li rċevew il-katavru tal-pilota Russu li nqatel wara li l-ajruplan militari tiegħu twaqqa, jiem ilu, minn ajruplani tal-gwerra Torok waqt konfront fuq il-fruntiera tas-Sirja.

Fl-inċident ta’ nhar it-Tlieta, ribelli tal-komunità tat-Turkmeni etniċi fis-Sirja kienu sparaw fuq il-pilota u l-ko-pilota tiegħu li qabżu bil-paraxut u li kienu neżlin lejn territorju kkontrollat mill-qawwiet tal-Gvern Sirjan.

Il-Prim Ministru Tork Ahmet Davutoglu qal li l-katavru tal-pilota, identifikat bħala l-Kurunell Oleg Peshkov, se jingħata lura r-Russja.

Il-ko-pilota, il-Kaptan Konstantin Murakhtin, salva b’ħajtu u kien meħlus minn territorju tas-Sirja li qed jikkontrollaw ir-ribelli. Murakhtin, issa, qed jgħid li jrid ikompli jaqdi d-dover tiegħu fis-Sirja ‘bħala membru tal-qawwiet Russi’.

It-Turkija, intant, għadha ssostni li l-qawwiet tal-ajru tagħha kienu sparaw għall-ajruplan Russu wara li dan abbuża l-ispazju tal-ajru Tork, waqt li r-Russja tiċħad li dan hu minnu.

L-inċident wassal għal tensjoni kbira bejn it-Turkija u r-Russja, bil-Gvern ta’ Moska jħabbar pakkett ta’ sanzjonijiet ekonomiċi kontra t-Torok.

Dan waqt li l-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, għadu qed jirrifjuta li jitlob skuża lir-Russja dwar it-twaqqigħ tal-ajruplan.