Internazzjonali

It-Turkija se xxolji l-Gwardja Presidenzjali

Il-Gwardja Presidenzjali tat-Turkija, li hi ffurmata minn elementi elit, għandha xxolji wara li 300 fost il-membri tagħha spiċċaw arrestati b’konsegwenza tal-kolp ta’ stat li falla fil-pajjiż, ftit tal-jiem ilu.

Il-Prim Ministru Tork, Binali Yildirim, informa lill-istampa tat-Turkija li ‘llum m’hemmx aktar ħtieġa għal dan ir-riġment’. Il-Gwardja Persidenzjali tinkorpora mal-2,500 suldat u qrib it-300 minnhom kienu arrestati wara r-rewwixta kontra t-Tmexxija f’Ankara.

L-aħbar ingħatat wara li l-awtoritajiet lokali arrestaw neputi tat-teologu Fethullah Gulen, li qed jgħix f’eżilju fl-Istati Uniti, u li hu akkużat mill-Gvern tal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, bħala ‘l-protagonista wara l-aħħar kolp ta’ stat fit-Turkija’.

In-neputi, Muhammet Sait Gulen, spiċċa arrestat fil-belt ta’ Erzurum u kellu jittieħed lejn Ankara għal interrogazzjoni. Ir-rapporti semmew ukoll l-arrest ta’ ‘kollaboratur ewlieni ta’ Fethullah Gulen’ li, min-naħa tiegħu, ċaħad li qajjem il-ferment fit-Turkija.

Qed ikomplu, intant, il-miżuri ta’ emerġenza min-naħa tal-President Erdogan, bħala reazzjoni għall-kolp ta’ stat tal-15 ta’ Lulju li ħalla għexieren ta’ mejtin u midruba.

Għadhom għaddejjin l-arresti ta’ membri tas-servizzi militari, fost it-tkeċċijiet ta’ uffiċjali tal-Gvern, flimkien ma’ għalliema tal-iskola u kapijiet tal-università.

Skont id-digriet ta’ emerġenza, il-President Tork u l-kabinett tiegħu jistgħu jieħdu l-miżuri li jidhrilhom xierqa mingħajr ma jgħadduhom mill-Parlament. Dan japplika għat-tfassil ta’ liġijiet ġodda u s-sospensjoni tal-libertajiet u d-drittijiet tan-nies fit-Turkija.

Fi tmiem il-ġimgħa, Erdogan żied il-perjodu fejn suspettati jistgħu jinżammu mingħajr ma jitressqulhom akkużi għal 30 jum.