Internazzjonali

Twissija dwar l-effetti tal-Brexit għall-Iskozja

L-Ewwel Ministru tal-Iskozja, Nicola Sturgeon, wissiet li t-tluq mill-Unjoni Ewropea jista’ jiswa ‘il-biljuni ta’ liri Sterlina’ lill-ekonomija Skoċċiża. Dan wara li r-Renju Unit, f’Ġunju, ikkonferma, fir-referendum storiku, li ma jridx jifforma aktar parti mill-UE.

Intant, il-maġġoranza (62 fil-mija) tal-Iskoċċiżi vvutaw biex ikomplu fl-Unjoni u issa, Sturgeon ippubblikat analiżi dwar il-konsegwenza potenzjali tal-Brexit li ssostni li l-ekonomija tal-Iskozja tista’ titlef bejn 1.7 u 11.2 biljun Sterlina fis-sena sal-2030.

Nicola Sturgeon wissiet li dan kapaċi jħalli impatt serju ħafna fuq l-infiq pubbliku waqt li l-Kap tal-Konservattivi Skoċċiżi, Ruth Davidson, ħeġġet biex il-Gvern tal-Iskozja jikkonċentra fuq l-istabbiltà (tal-Iskozja) wara l-vot għall-Brexit.

Intant, Sturgeon qalet li t-tieni referendum għall-indipendenza tal-Iskozja jibqa’ ‘probabbli’, iżda wiegħdet li tikkunsidra għażliet oħra biex taċċerta l-istatus tal-Iskoċċiżi fl-UE.