Sport Waterpolo

Valletta jibqgħu biċ-ċans għar-raba’ post

Valletta McDonalds komplew l-isfida għar-raba’ post meta għelbu lil Exiles Jetfreight 14-10 biex reġgħu jinsabu żewġ punti taħt Sirens fejn jonqos il-konfront dirett. Għal Valletta din kienet ukoll tpattija sportiva wara li huma kienu tilfu l-aħħar konfront dirett kontra Exiles inċidentalment, telfa li kienet tfisser l-ewwel rebħa tal-kampjonat għalihom.

Exiles min-naħa spiċċaw il-kampjonat tagħhom bl-unika rebħa minn 14-il logħba biex spiċċaw fis-sitt post fil-Premier, biex issa jilagħbu l-play-off kontra ċ-champions tal-ewwel diviżjoni Marsaxlokk Fischer.

Valletta fetħu tajjeb u rebħu l-ewwel sessjoni 3-1, iżda Exiles wettqu reazzjoni u dawru r-riżultat fit-tieni sessjoni bi tliet gowls mingħajr risposta biex daħlu jistrieħu 4-3 minn fuq. Wara l-mistrieħ, il-vantaġġ inbidel diversi drabi b’Exiles jagħmlu l-iskor 7-7 b’gowl ta’ Vukicevic 0.8 sekonda mit-tmiem. Iżda Cordina skurja qabel tmiem is-sessjoni biex daħħal lil Valletta 8-7 minn fuq fost il-protesti ta’ Exiles li sostnew li kien skada l-ħin.

Fl-aħħar sessjoni, Valletta ħadu r-riedni tal-partita u gowls minn Cordina u Mock taw vantaġġ ta’ tliet gowls li setgħu jamministraw il-partita, fejn saħansitra żiedu l-vantaġġ b’Exiles jiskurjaw żewġ gowls fl-aħħar biex għamlu l-iskor aktar rispettabbli.