Internazzjonali

Ebda vot għal ħafna Britanniċi madwar id-dinja fir-referendum

Qorti fir-Renju Unit iddeċidiet li Britanniċi li ilhom jgħixu barra pajjiżhom għal aktar minn 15 il-sena m’għandhomx id-dritt tal-vot fir-referendum tat-23 ta’ Ġunju li jiddeċiedi jekk il-pajjiż ikomplix bħala membru tal-Unjoni Ewropea jew le.

L-isfida legali kienet tressqet minn Harry Shindler, veteran tat-Tieni Gwerra u llum anzjan ta’ 94 sena, residenti l-Italja, u Jacquelyn Maclennan, li hi avukata bbażata fi Brussell.

Il-bażi tal-argument tagħhom hi li liġi li żżomm persuni milli jivvutaw f’elezzjonijiet tar-Renju Unit, wara li dawn ikunu ilhom jgħixu għal aktar minn 15 il-sena barra pajjiżhom, tirrestrinġi d-dritt ta’ dawn in-nies għal moviment ħieles, skont ir-regoli tal-UE. Shindler u Maclennan jgħidu li ‘l-vot dwar l-isħubija fl-UE jaffettwa lilhom direttament’ filwaqt li sejħu għal reviżjoni fuq livell ġudizzjarju.

Madankollu, l-Ogħla Qorti Britannika ddeċidiet kontra din l-isfida legali, meta r-Renju Unit qed iħejji għall-vot storiku u missielet li se jiddeċiedi d-destin tiegħu.