Lokali

“Waħħlu fl-abbuż, mhux fix-Schengen”

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa u ċ-Chairman tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew, Manfred Weber, ikkummentaw dwar id-deċiżjoni ta’ Malta, li tissospendi Schengen anke wara li jispiċċa ċ-CHOGM.

Weber u Casa saħqu li hi responsabiltà tal-istati membri tal-UE li jassiguraw li l-persuni li jidħlu fiż-żona Schengen minn pajjiżhom, ikunu daħlu b’mod legali. Insistew li r-responsabiltà hi akbar għall-pajjiżi fil-konfini tal-UE, minħabba l-piż ta’ sigurtà għall-UE kollha.

Iż-żewġ MEPs saħqu li ż-żona Schengen hi akkwist kbir għall-UE u għaċ-ċittadini tagħha imma l-istati membri li jgawdu dawn il-benefiċċji għandhom responsabiltajiet kbar. Ikkummentaw dwar l-allegat abbuż u korruzzjoni li jidher li seħħew fil-ħruġ ta’ viżas u permessi ta’ residenza f’Malta minn awtoritajiet Maltin lil ċittadini fil-Libja u fl-Alġerija, u qalu li dan l-allegat abbuż iqajjem mistoqsijiet kbar minħabba l-impatt fuq is-sigurtà taċ-ċittadini Maltin u ta’ dawk f’pajjiżi oħra fiż-żona Schengen.