Lokali

Waqt li l-Prim Ministru jitkellem kontra l-prekarjat … l-istudenti tal-MCAST jitħallsu €1.20 fis-siegħa

Minkejja l-wegħdiet elettorali ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, u minkejja d-diskors kontinwu mill-Prim Ministru li ħalef li jeqred il-prekarjat, l-istudenti tal-MCAST qed jitħallsu madwar €1.20 fis-siegħa għal xogħol bl-apprentistat. Ironikament l-MCAST jaqa’ taħt ir-responsabiltà tal-Gvern.

Fl-aħħar jiem infetħet petizzjoni mill-istudenti biex jappellaw li tittieħed azzjoni, iżda studenti li tkellmu magħna stqarru li mhux se jiffirmawha għaliex jibżgħu minn riperkussjonijiet fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

L-istess studenti spjegaw lil NETnews.com.mt li minkejja li jaħdmu bl-apprentistat, huma jaħdmu daqs kull ħaddiem ieħor fl-istess post tax-xogħol. F’paġna li nfetħet fuq Facebook, ‘Underpaid MCAST Apprentices, jingħad li din is-sitwazzjoni qed tħalli lill-istudenti vulnerabbli, u f’xi każi saħansitra twassalhom biex jieqfu mill-istudji tagħhom.

Fl-aħħar sigħat dwar din il-kwistjoni tkellem il-Kunsill Studenti MCAST li appella għal żieda fil-ħlas li jingħataw l-istudenti tax-xogħol tagħhom.

“L-istudenti qed jitħallsu biss persentaġġ żgħir tal-paga minima nazzjonali, minkejja li l-apprentistat jinvolvi 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa, u ma jħalli l-ebda lok biex l-istudenti jagħmlu xogħol part time ieħor,” stqarr il-KSM.

Dwar din il-kwistjoni fl-aħħar jiem saret laqgħa bejn il-Kunsill Studenti MCAST u l-prinċipal tal-MCAST. Tkellmet ukoll l-għaqda tal-istudenti Pulse, li wkoll appellat għal żieda fil-ħlas tal-istudenti.

Iżda l-MCAST qed jikkontesta dan, bl-amministrazzjoni tgħid li l-istudenti jaqilgħu iżjed mid-doppju, jekk wieħed jgħodd l-istipendju li jirċievu matul l-esperjenza ta’ apprentistat tagħhom, bit-total kull xahar jitla’ għal €433.96 fl-ewwel sena, u €422.88 fit-tieni sena.

L-MCAST fi stqarrija għamilha ċara li “li l-iskop tal-apprentistat huwa li l-istudenti isaħħu t-tagħlim tagħħom billi ikollhom taħriġ prattiku b’esperjenza reali permezz ta’ apprentistat ma’ kumpaniji u industriji li joperaw fis-suggett vokazzjonali li qed jistudjaw fih l-istudenti stess.”

Iddikajra wkoll li l-apprentistat mhuwiex impjieg imma estensjoni tal-istudji.