Lokali Qorti

Wara 18-il sena – Richard Cachia Caruana jirbaħ libell lil ‘It-Torċa’

Wara 18-il sena, il-Qorti ddeċidiet il-każ ta’ libell li l-eks Rappreżentant ta’ Malta fl-UE Richard Cachia Caruana għamel kontra l-editur ta’ ‘It-Torċa’ Alfred Briffa u l-artikolista Lino Cassar u kkundannathom iħallsu €5,000 bejniethom wara li nstabu ħatja li mmalafamaw lil Cachia Caruana.

Il-każ jitratta l-aritklu ‘Reddiegħa’ li deher fil-ħarġa tal-ġurnal ‘It-Torċa’ tal-1 ta’ Frar 1998; Cachia kien sostna li Briffa u Cassar illibellawh b’kummenti li dehru f’artiklu li deher f’ġurnal, liema kummenti attribwewlu fatti foloz u li jagħtuh isem ħażin bil-għan li joffenduh u jesponuh għad-disprezz u r-redikolu tal-pubbliku.

L-editur Alfred Briffa ddefenda lilu nnifsu billi qal li kulma għamel kien li offra spazju lil Lino Cassar bħala kontributur regolari tal-ġurnal u bl-ebda mod ma għamel tiegħu dak li kiteb l-artikolist. Lino Cassar qal li Cachia Caruana bl-ebda mod ma jissemma’ u lanqas huwa identifikabbli u li l-kitba tiegħu mhix malafamanti.

Irriżulta li fid-9 ta’ Jannar, 1998 l-Editur bagħat telefax lill-attur b’għadd ta’ mistoqsijiet dwar feature li l-ġurnal kien fi ħsiebu jippubblika aktar tard dak ix-xahar dwar ix-xiri ta’ Malta House f’Londra.

Cachia Caruana bagħat it-tweġibiet tiegħu b’ittra minn avukat imqabbad minnu fit-12 ta’ Jannar, 1998 li fiha ċaħad kull rabta mal-implikazzjonijiet magħmulin dwaru fl-imsemmija mistoqsijiet u wissa lill-Editur li jekk kemm-il darba l-ġurnal kien sejjer jippubblika xi ħaġa minn dak li huwa ċaħad, kien jieħu l-passi legali meħtieġa kontra l-ġurnal.

Fil-ħarġa tal-ġurnal ‘It-Torċa’ tal-1 ta’ Frar, 1998, Lino Cassar kiteb artiklu u semmieh “Reddiegħa” fejn irrefera għal ċirkostanzi li jgħid li seħħew qabel ma nxtrat binja f’Londra li kellha sservi bħala Malta House. Fost dawn il-fatti, imma bla ma semma ismijiet, Lino Cassar qal li kien hemm minn kien jaf minn qabel x’kellu f’moħħu l-Gvern Malti dwar il-kisba ta’ dik il-binja u għalhekk grupp ta’ nies “fosthom wieħed intimu ħafna ma’ Kastilja u ieħor intimu ma’ l-Air Malta” waqqfu kumpanija għand avukat f’Ħal Lija għal tal-apposta li kienet hi li kisbet l-imsemmija binja u “konvenjentement biegħetha lill-Gvern Nazzjonalista”. Minnufih qabel dik il-parti tal-artiklu, kien kiteb dwar l-attur u irrefera għalih bl-inizjali ta’ ismu (RCC).

Il-Qorti qalet li ma hemmx dubju li fil-fehma pubblika dak li nkiteb dwar Cachia Caruana kien maħsub li jqiegħed lill-istess attur f’dawl ikreh ta’ wieħed li jirkeb mis-sitwazzjonijiet pubbliċi li kien igawdi biex jagħmel il-qligħ.

Il-Qorti qalet li l-fatti msemmija jew attribwiti lil Cachia Caruana bl-ebda mod ma jirriżultaw u li l-akkużi kienu dwar imġieba li tiġbor fiha għemil abbużiv fl-amministrazzjoni pubblika b’abbuż minn kariga pubblika. Il-Qorti ikkunsidrat ukoll li Briffa u Cassar ma taw l-ebda każ taċ-ċaħda kategorika li kien għamel l-attur bl-ittra tal-avukat tiegħu qabel ma deher l-artiklu.

Ritratt: The Malta Indepedent