Futbol Sport

Wara Blatter, sospiżi wkoll Platini, Valcke u Mong-joon

Jum wara li l-Kumitat tal-Etika tal-FIFA ssospenda lill-President tal-FIFA Sepp Blatter, ilbieraħ l-istess kumitat issospenda lil Michel Platini, President tal-UEFA; lill-Korean Chung Mong-joon, eks-Viċi President tal-FIFA; u lil Jerome Valcke, Segretarju Ġenerali tal-FIFA minħabba akkużi ta’ korruzzjoni.

Tard l-Erbgħa filgħaxija Blatter kien ġie sospiż 90 jum mill-Kumitat tal-Etika tal-FIFA minħabba li ġimgħa qabel beda jkun investigat minn prosekuturi Żvizzeri dwar irregolaritajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ pagamenti li ta lill-Unjoni tal-Futbol fil-Karibew (CFU) u lill-President tal-UEFA Michel Platini. Nhar il-Ħamis filgħodu l-Kumitat issospenda lil Michel Platini u lil Jerome Valcke għal 90 jum filwaqt li l-Korean Chung Mong-joon, li għandu l-akbar persentaġġ ta’ ishma tal-kumpanija Hyundai, ġie sospiż għal sitt snin u mmultat is-somma ta’ mitt elf frank Żvizzeru.