Lokali

Wara jiem ta’ laqgħat, milħuq ftehim bejn il-Gvern u l-Union tal-Cabin Crew

Il-Gvern u l-Union tal-Cabin Crew laħqu ftehim dwar talbiet reċiproki li saru fil-jiem li għaddew. B’hekk, biex se jitwaqqfu l-azzjonijiet industrijali nediet il-Union tal-Cabin Crew tard il-Ġimgħa filgħaxija.

Dan tħabbar kmieni dalgħodu fi stqarrija tal-Gvern, fejn ingħad li l-ftehim iħares l-interessi tal-Gvern bħala l-azzjonist ewlieni tal-Air Malta u l-interessi tal-cabin crew, kif ukoll il-futur tal-kumpanija u tal-ħaddiema kollha tal-linja nazzjonali tal-ajru.

Il-laqgħa, li bdiet ilbieraħ filgħaxija u ntemmet tard matul il-lejl li għadda, kienet waħda fost numru ta’ laqgħat li saru fil-jiem li għaddew. L-akbar differenzi bejn iż-żewġ naħat matul il-laqgħat li saru kienu dwar il-garanzija tax-xogħol għall-cabin crew, kif ukoll dwar ftehim kollettiv ġdid.

Jirriżulta li l-laqgħat kienu jsiru fil-preżenza tal-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u ċ-Chairman tal-Air Malta Maria Micallef.

Mhux eskluż li fil-laqgħat kienet diskussa wkoll is-sejħa għal impjieg temporanju li l-Air Malta ħarġet fil-jiem li għaddew għas-sezzjoni tal-cabin crew. Ħafna ddeskrivew din il-mossa bħala waħda ta’ ‘strike breaking’ minħabba l-azzjonijiet industrijali li kienu qed jieħdu l-cabin crew.

Persuni li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li dan l-atteġġjament mil-linja nazzjonali tal-ajru fakkarhom f’każ simili li seħħ fl-1982 meta l-Air Malta impjegat temporanjament ħaddiema tal-Libyan Airlines biex tkisser strajk li kienu qed jagħmlu l-ħaddiema.

Jirriżulta li dakinhar, l-impjegati tal-Libyan Airlines kienu għadhom kif ġew mgħallma mill-ħaddiema tal-Air Malta stess.