Formula 1 Sport

Wara l-GP tal-Ġappun: Hamilton bilkemm jista’ jemmen li laħaq lil Senna

Is-sewwieq tal-Mercedes Lewis Hamilton esprima s-sodisfazzjon tiegħu wara li l-Ħadd li għadda rebaħ il-Grand Prix tal-Ġappun u fl-istess ħin laħaq lill-ekssewwieq leġġendarju l-Brażiljan Ayrton Senna f’dawk li huma numru ta’ suċċessi f’dan l-isport. Hamilton, li bir-rebħa f’Suzuka kabbar id-distakk tiegħu fuq l-eqreb rivali Nico Rosberg, issa b’kollox rebaħ 41 Grand Prix u grazzi għal dan is-suċċess għamel pass ieħor importanti għar-rebħ tat-titlu mondjali.

Ġimgħa qabel l-ekssewwieq tal-McLaren kellu jum diżastruż waqt il-GP ta’ Singapore fejn kien anke kostrett jirtira imma nhar il-Ħadd, minkejja li beda mit-tieni post, mill-ewwel qabeż lil Rosberg li kien beda mill-pole position u minn hemm ’il quddiem iddefenda l-vantaġġ li kellu biex rebaħ u fetaħ vantaġġ ta’ 48 punt fuq Rosberg.

Din kienet it-tielet darba li Hamilton rebaħ f’Suzuka filwaqt li matul il-karriera tiegħu Senna rebaħ f’Suzuka darbtejn. “Għalija, li trabbejt insegwi lil Senna u noħlom li xi darba nkun bħalu hi ħolma li issa lħaqtu f’dawk li huma suċċessi fit-tlielaq. Bilkemm irrid nemmen li ksibt xi ħaġa bħal din.

Rigward it-tim kien ferm importanti għalina li nirritornaw għar-rebħ wara dak li ġara f’Singapore. Ġimgħa ilu l-Ferrari kienu veloċi u kellna ħafna xogħol x’nagħmlu biex illum nerġgħu nkunu fl-aqwa tagħna u negħlbu l-isfida tagħom,” qal Hamilton. Dan tal-aħħar temm jgħid li minkejja li dejjem ħa gost isuq f’Suzuka, dejjem sabha diffiċli f’dan iċ-ċirkwit u l-fatt li kien proprju fil-Ġappun li laħaq ir-rekord ta’ Senna jagħmel din ir-rebħa waħda aktar speċjali.

Sena ilu, wara l-kontroversja li kienet seħħet wara l-ħabta bejn Hamilton u Rosberg fil-GP tal-Belġju, il-kap tal-Mercedes Toto Wolff kien qal li t-tim se jagħti istruzzjonijiet lis-sewwieqa biex kemm jista’ jkun ma jisfidawx lil xulxin jekk ikun hemm riskju li jistgħu jaħbtu f’xulxin imma din id-darba l-istess Wolff qal li d-diriġenti ħallew lil Hamilton jaqbeż lil Rosberg għax kien aktar veloċi u ma kienx ikun ġust li kieku ġie mċaħħad milli jagħmel dan.