Internazzjonali

Wara l-isparaturi fil-Ġermanja – kontrolli akbar fuq il-bejgħ tal-armi tan-nar fil-Ġermanja

Jumejn wara l-isparaturi fi Munich fil-Germanja, politiċi ewlenin fil-Ġermanja qed iħeġġu għal kontrolli akbar fuq il-bejgħ tal-armi tan-nar bi tweġiba għall-attakki xokkanti, fejn żgħażugħ ta’ nisel Iranjan qatel disa’ persuni fi sparatura għall-għarrieda, qabel neħħa ħajtu b’idejh.

Il-Viċi-Kanċillier Ġermaniż Sigmar Gabriel qal li jrid isir dak kollu possibbli biex ikun limitat l-aċċess għall-armi tan-nar fil-Ġermanja. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ġermaniż għall-Intern, żar l-inħawi ta’ Munich fejn inqatlu n-nies u qal li qed jaħseb biex jirrevedi l-liġijiet li jirregolaw l-armi.

Il-qattiel żgħażugħ ta’ Munich kien jismu Ali David Sonboly ta’ 18 il-sena u meta wettaq il-massakru tal-Ġimgħa kellu fuqu pistola tat-tip Glock u ammont kbir ta’ munizzjon.

Fi Munich qed ikomplu l-velji tat-talb għall-vittmi flimkien ma attivitajiet oħra b’rispett għall-memorja tagħhom. Ħafna mill-vittmi tal-isparatura kienu adolexxenti u kienu jinkludu żgħażagħ mill-Kosovo, mit-Turkija u l-Greċja. Fl-attakk tal-Ġimgħa fi Munich, li kkonċentra fuq iċ-ċentru kummerċjali ta’ Olympia, spiċċaw midruba 27 persuna li għaxra minnhom jinsabu f’qagħda kritika.

Issa l-awtoritajiet Ġermaniżi qed jinvestigaw kif il-qattiel, li kellu ċittadinanza doppja Ġermaniża u Iranjana, seta jkollu aċċess għal arma tan-nar minkejja li kien qed juri sinjali sinifikanti ta’ problemi psikoloġiċi.