Internazzjonali

Wara l-massakru fil-Ġermanja, aġġornament: ‘Kien ilu jippjana l-qtil għal sena’

L-aggressur adolexxenti li, fil-lejl tal-Ġimgħa, qatel disa’ persuni waqt sparatura għall-għarrieda fil-belt ta’ Munich, kien ilu jippjana l-attakk għal madwar sena.

Dan qaluh l-awtoritajiet fil-Ġermanja li għadha f’xokk u luttu għall-istraġi u meta s-servizzi domestiċi u sigrieti qegħdin jindagaw għal aktar informazzjoni dwar il-massakru.

L-aggressur responsabbli, David Ali Sonboly, li kellu 18 il-sena, spiċċa joqtol lilu nnifsu waqt l-attakk u l-uffiċjali fl-Istat ta’ Bavarja qed jgħidu li ż-żgħażugħ x’aktarx li kien xtara l-pistola li biha qatel lil dawk in-nies kollha ‘b’mezzi illegali’ u x’aktarx li minn fuq sit tal-Internet’.

Dan meta hu magħruf li Ali David Sonboly, waqt l-attakk, kellu fuqu pistola tat-tip Glock u ammont kbir ta’ munizzjon.

Fil-preżent, politiċi ewlenin fil-Ġermanja qed iħeġġu għal kontrolli akbar fuq il-bejgħ tal-armi tan-nar bi tweġiba għall-attakki xokkanti tal-Ġimgħa.

Il-Viċi-Kanċillier Ġermaniż Sigmar Gabriel qal li jrid isir dak kollu possibbli biex ikun limitat l-aċċess għall-armi tan-nar fil-Ġermanja. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ġermaniż għall-Intern, Thomas de Maiziere, żar l-inħawi ta’ Munich fejn inqatlu n-nies u qal li qed jaħseb biex jirrevedi l-liġijiet li jirregolaw l-armi.

Fi Munich, komplew il-vejl tat-talb għall-vittmi flimkien ma attivitajiet oħra b’rispett għall-memorja tagħhom. Ħafna mill-vittmi tal-isparatura kienu adolexxenti, bil-mejtin jinkludu żgħażagħ mill-Kosovo, it-Turkija, l-Ungerija u l-Greċja.

Uffiċjali tal-Istat, intant, qalu li l-vittmi tal-attakk ma kenux ‘mira speċifika tal-qattiel’ u lanqas ma kienu ‘eksħbieb tal-klassi’ ta’ Sonboly. Fl-istess ħin, il-vittmi ma jinkludux żgħażagħ, ukoll eks-studenti, li allegatament kienu jissottomettu lil Sonboly għall-bullying.

Fl-attakk tal-Ġimgħa, li kkonċentra fuq iċ-ċentru kummerċjali ta’ Olympia, spiċċaw midruba 35 persuna li għaxra minnhom jinsabu f’qagħda kritika.

Intant, Robert Heimberger, il-kap tal-pulizija tal-Bavarja, qal li l-aggressur kien ilu jippjana l-attakk tal-Ġimgħa mindu, sena ilu, żar l-aħħar il-belt ta’ Winnenden – fejn fl-2009 kienet saret sparatura fi skola – u fejn kien ħa r-ritratti tal-inħawi.

Għalissa ma jidhirx li seta’ kien hemm skop jew għan politiku wara l-qtil tan-nies fi Munich miż-żgħażugħ Sonboly li kellu problemi psikoloġiċi u kien ibati wkoll bid-dipressjoni.