Internazzjonali

Wara l-qtil tal-qassis mill-ISIS fi Franza: ‘Indikazzjoni li s-sistema tal-ġustizzja falliet’

Il-Prim Ministru Franċiż Manuel Valls qal li s-sistema tal-ġustizzja falliet b’konnessjoni mal-qtil brutali ta’ qassis minn ‘suldati tal-ISIS’ adolexxenti li, nhar it-Tlieta, daħlu fi knisja fl-inħawi ta’ Saint-Etienne-du-Rouvray, fin-Normandija.

Valls, waqt intervista, ikkritika ħafna l-fatt li wieħed mill-aggressuri, Adel Kermiche, kien inħeles lura fis-soċjetà waqt li kien kostrett biss li jilbes tag elettroniku. Dan meta r-raġel inkwistjoni kien qed jiffaċċja xi akkużi pendenti relatati għat-terroriżmu.

Kermiche kien spiċċa arrestat wara li, is-sena l-oħra, ipprova jivvjaġġa lejn is-Sirja. Madankollu l-awtoritajiet ħelsuh bil-kundizzjoni li jlibbsulu monitoring tag u minkejja li l-prosekuturi ħeġġew biex iż-żgħażugħ jibqa’ jinżamm taħt arrest.

Kermiche u l-aggressur sieħbu, Abdel Malik Petitjean, nhar it-Tlieta nqatlu mill-pulizija barra l-knisja ta’ Saint-Etienne-du-Rouvray wara li huma kienu ħanxru għonq il-qassis, Jacques Hamel, u ħatfu numru ta’ ostaġġi fil-ħin tal-quddies.

Petitjean kien ilu minn Ġunju mniżżel fuq watch list bħala theddida għas-sigurtà potenzjali u wara li hu kien ipprova jaqsam mit-Turkija għas-Sirja.

Wara l-attakk fil-knisja, l-ISIS kien ħareġ filmat taż-żewġ irġiel qegħdin jaħilfu lealtà lill-grupp terroristiku. Issa ħareġ ukoll filmat ieħor fejn Petitjean isejjaħ għal aktar attakki kontra pajjiżi involuti mal-koalizzjoni internazzjonali anti-ISIS.

Sallum, tliet persuni spiċċaw interrogati mill-pulizija b’konnessjoni mal-attakk fil-knisja tan-Normandija. Tnejn minnhom inħelsu mill-awtoritajiet waqt li l-pulizija għadha qed iżżomm tielet raġel li jingħad hu ‘Sirjan u eksresidenti f’ċentru għar-refuġjati’.

Il-Prim Ministru Franċiż Valls, sadanittant, insista li d-deċiżjoni biex Adel Kermiche jingħata l-libertà kienet tal-maġistrati indipendenti u mhux tal-Gvern tiegħu. Hu ħareġ b’din ir-reazzjoni wara li kellu jiffaċċja kritika dwar l-attakk terroristiku fil-knisja inkwistjoni, qrib ta’ Rouen, kif ukoll dwar il-qtil ta’ 84 persuna f’Nizza waqt Jum Bastilja, meta membru tal-ISIS kien saq trakk kbir għal fuq folla nies.

Waqt l-intervista, Valls sejjaħ, fost oħrajn għal ‘rivoluzzjoni fil-kultura tas-sigurtà’ fid-dawl tat-theddida terroristika minbarra li ħeġġeġ biex ‘kull Franċiż jikkontribwixxi għal sistema ta’ sigurtà li tibbaża fuq il-kollettiv’.