Lokali

Wara li jhedded, Keith Schembri jistħi jaċċetta ċ-ċekk

Wara li bħal-lum ġimgħa, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri bagħat ittra uffiċjali lill-Partit Nazzjonalista b’theddida bil-Qorti, dalgħodu Schembri stess ma kellux wiċċ jaċċetta ċ-ċekk li ntbagħtlu.

Kif ħabbar ilbieraħ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, minkejja s-sagrifiċċju finanzjarju meħtieġ, dalgħodu stess il-Partit Nazzjonalista bagħat ċekk bi ħlas sħiħ lil Keith Schembri fil-post fejn jaħdem, f’Kastilja. Madankollu, Keith Schembri staħa jaċċetta ċ-ċekk f’Kastilja u minflok, aċċettah l-Avukat tiegħu.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista spjega li llum ħallas lil Keith Schembri biex juri li ma jibżax mit-theddid taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u li mhux lest jagħlaq ħalqu.

Għall-kuntrarju, l-aġir ta’ Keith Schembri jsaħħaħ id-determinazzjoni tal-Partit Nazzjonalista biex jiġġieled favur il-libertà demokratika f’pajjiżna, fejn ħadd ma jiġi mhedded finanzjarjament sempliċiment għax joġġezzjona għall-iskandli ta’ korruzzjoni tal-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista kompla li l-aġir ta’ Keith Schembri mhu xejn għajr abbuż ta’ poter perikoluż għax persuna fil-pożizzjoni tiegħu m’għandha qatt tkun involuta fin-negozju, aħseb u ara thedded bil-flus li għandha tieħu kontra minn jazzarda jikkritika lill-Gvern.

Għaldaqstant, sostna l-Partit Nazzjonalista, post Keith Schembri hu wieħed: barra!