Lokali

Wara li rriżenja minn Segretarju Parlamentari, Michael Falzon issa b’impjieg ta’ €50,000

Michael Falzon, li f’Jannar li għadda rriżenja minn Segretarju Parlamentari minħabba l-iskandlu Gaffarena, issa għandu pożizzjoni li finanzjarjament hi ferm aħjar.

Dan hekk kif, skont informazzjoni ppubblikata mill-ġurnal The Times of Malta, Michael Falzon intagħżel mill-Gvern ta’ Joseph Muscat għal impjieg mal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir b’salarju ta’ €50,000 fis-sena.

L-artiklu jgħid li Falzon ġie impjegat fuq bażi ‘full-time’ bħala Konsulent Legali għal perjodu ta’ tliet snin mingħajr ma nħarġet sejħa għall-applikazzjoni. Il-ġurnal qal li f’Ġunju li għadda staqsa dwar il-pakkett finanzjarju ta’ Michael Falzon, b’kelliema għall-Ministeru tat-Trasport qalet li s-salarju tiegħu hu ta’ €36,000.

Madankollu, issa jirriżulta li dan mhux minnu għax l-eks Segretarju Parlamentari għandu madwar €50,000. L-informazzjoni ħarġet wara li saret talba għall-informazzjoni taħt il-Liġi tal-Libertà tal-Istampa.