Lokali

Wara li tkisser ċirku ta’ pedofeli li kienu jħajru u jħallsu lit-tfal għas-sess; mistennija jfeġġu aktar każi ta’ pedofelija

Sorsi qrib l-investigazzjoni qalu ma’ dan l-istazzjon li t-tkissir ta’ dan iċ-ċirku probabbilment li hu l-akbar wieħed tax-xorta tiegħu fl-istorja tal-ġlieda kontra l-pedofelija f’Malta

Investigaturi li fl-aħħar ġimgħat kienu qed jinvestigaw ċirku ta’ adulti u anzjani li dwarhom kien hemm suspett qawwi li setgħu kienu involuti f’ċirku ta’ sess ma’ tfal u żgħażagħ taħt l-età huma tal-fehma li hemm aktar vittmi li għal xi raġuni jew oħra, l-aktar minħabba biżgħa, għadhom ma rapportawx il-każ tagħhom.

Sorsi qrib l-investigazzjoni f’nofs din il-ġimgħa tkellmu ma’ il-mument u qalu li t-tkissir ta’ dan iċ-ċirku probabbilment li hu l-akbar wieħed tax-xorta tiegħu fl-istorja tal-ġlieda kontra l-pedofelija f’Malta.

S’issa ‘rabta ma’ dan iċ-ċirku ta’ pedofeli, l-investigaturi ressqu l-Qorti ħames persuni; lkoll irġiel u erba’ Maltin u Għawdxi. Madankollu l-istess sorsi taw ħjiel li fil-konfront ta’ dawn l-irġiel mistennija joħorġu akkużi oħrajn fuq każi ġodda hekk kif l-investigazzjoni tal-Pulizija għadha ma ġietx magħluqa.

Minn tagħrif li kisbet il-mument, fl-aħħar sentejn kien hemm kważi 50 persuna li tressqu l-Qorti akkużati b’reati ta’ pedofelija.

Fil-każi ta’ din il-ġimgħa, l-investigaturi, qabel ma marru l-Qorti b’dawn il-każ, interrogaw fit-tul numru mdaqqas ta’ persuni, fosthom dawn il-ħamest irġiel. Il-Pulizija interrogaw ukoll dak kollu li kellhom xi jgħidu numru ta’ tfal u żgħażagħ taħt l-età li rrakkontaw kif kienu avviċinati minn dawn l-anzjani għal skop ta’ sess u attivitajiet illeċiti. Il-Pulizija semgħet ukoll minn dawn it-tfal kif tħallsu l-flus biex huma setgħu jipparteċipaw f’attivitajiet żienja bejniethom stess kif ukoll mal-istess adulti jew anzjani.

Kien nhar il-Ħadd filgħaxija meta l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, immexxija mill-Ispettur Joseph Busuttil u t-tim tiegħu, immatura u kienu konklużi bil-persuni suspettati f’xi mument jew ieħor ammettew ir-reati ta’ żina mat-tfal u ż-żgħażagħ taħt l-età.

L-ewwel tlett irġiel tressqu l-Qorti nhar it-Tlieta waranofsinhar; tnejn ta’ 57 sena mill-Isla (kien diġà nstab ħati ta’ offiżi simili) u mill-Belt Valletta u ieħor 47 sena minn Birkirkara. Imressqa separatament minn xulxin u quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, l-akkużi fil-konfront ta’ dawn it-tlett adulti kienu li huma ħallsu subien taħt l-età bi ħsieb li jwettqu atti sesswali fuqhom. L-irġiel kienu akkużati li huma kienu involuti f’reati mill-aktar serji ta’ sess fuq tliet subien ta’ età bejn il-15 u s-17- il sena.

Fost l-oħrajn kienu akkużati wkoll li sfurzaw lill-istess subien għall-prostituzzjoni, biex jipparteċipaw f’wirjiet ta’ pornografija b’mezzi diġitali, li kellhom materjal indeċenti li juru persuni taħt l-età u li ħadu sehem f’attivitajiet sesswali ma’ minuri. Il-Pulizija sabu wkoll pendrive b’materjal pornografiku.

Inqas minn 24 siegħa wara, nhar it-Tlieta li għadda, il-Pulizija kompliet tressaq aktar irġiel; anzjan ta’ 66 sena residenti ż-Żejtun u Għawdxi ta’ 36 sena li joqgħod Kerċem.

Quddiem il-Maġistrat Antonio Micallef Trigona, l-Ispettur Joseph Busuttil qal li l-akkużi kienu dwar reati ta’ sess fil-konfront ta’ tfal u ż-żgħażagħ taħt l-età.

L-anzjan Żejtuni kien akkużat li sforza żagħżugħ ta’ 16-il sena biex jipparteċipa fil-prostituzzjoni u li ħa sehem ukoll direttament f’attivitajiet sesswali mal-istess żagħżugħ.

Fir-rigward ta’ dan l-anzjan, li kkollabora mal-Pulizija, l-Ispettur qal li min-naħa tagħha l-Pulizija kienet tkun kuntenta jekk dan l-anzjan – li ammetta l-akkużi miġjuba kontra tiegħu – jingħata sentenza ta’ tliet snin priġunerija. Iżda l-Maġistrat Micallef Trigona kkundanna lill-anzjan għal sentejn u disa’ xhur ħabs u poġġieh ukoll taħt ordni ta’ probation għal tliet snin.

Fis-seduta ta’ wara tressaq il-Qorti r-raġel ta’ 36 sena minn Kerċem mixli li ħa sehem f’attivitajiet sesswali ma’ erbat itfal li għandhom bejn 14 u 17-il sena. Jirriżulta li r-raġel kien ikkuntattja lill-erba’ minorenni b’diversi modi fuq il-medja soċjali.

Waqt is-smigħ tal-akkużi ta’ dawn iż-żewġ akkużati, l-Ispettur Joseph Busuttil talab lill-Qorti spjegazzjoni għala ż-żewġ ismijiet tat-Tlieta mhux jixxandru meta wieħed ammetta u l-ieħor le. Il-Maġistrat sostna li l-importanti kien li min jinstab ħati jitpoġġa fuq ir-Reġistru li fih jinżammu dawk li jinstabu ħatja li abbużaw minn minorenni. Intant, il-ħamest irġiel qegħdin jinżamm l-ħabs.