Lokali

Wara qtil barbaru ta’ saċerdot fi Franza, l-Arċisqof Charles Scicluna jappella għal rikonċiljazzjoni fl-umanità

L-Arċisqof jitkellem dwar “ir-rikonċiljazzjoni fl-umanità” wara li membri tal-ISIS ħanxru għonq saċerdot Franċiż

“F’dawn il-mumenti, l-isfida l-kbira hi li nieħdu bis-serjetà kliem Ġesù – li nħobbu l-għedewwa tagħna”.

Kliem l-Arċisqof Charles J. Scicluna li f’kummenti ma’ NETnews.com.mt tkellem dwar l-attakk ta’ nhar it-Tnejn, meta żewġ membri tal-ISIS qatlu saċerdot Kattoliku waqt quddiesa fi Franza billi ħanxrulu għonqu.

“Nammetti li l-ewwel reazzjoni tiegħi kienet reazzjoni ta’ xokk” qal l-Arċisqof. “Imbgħad tieqaf ftit u tirrealizza li l-armi tagħna huma t-talb u l-ħidma biex fl-umanità jkollna iżjed rikonċiljazzjoni” kompla jgħid.

Il-kummenti tal-Arċisqof ma’ dan is-sit saru meta fl-Ewropa kompla l-allert u t-tensjoni. Il-qtil tas-saċerdot Jacques Hamel seħħ f’Knisja fin-Normandija qabel it-terroristi nqatlu mill-Pulizija.

L-Arċisqof ammetta li l-attakk sar minn persuni li jobgħodu l-umanità u lir-reliġjon Kattolika, iżda saħaq li “f’dawn il-mumenti, l-isfida l-kbira hi li nħobbu l-għedewwa tagħna”.

Filwaqt li saħaq li mhux faċli, l-Arċisqof qal li jeħtieġ li l-Kattoliċi jieħdu kliem Ġesù bis-serjetà meta jiġu fil-mument tal-prova.

“Kemm għandna diskors?” staqsa retorikament l-Arċisqof waqt li kompla, “imma meta tiġi bejn l-għażla tal-vjolenza għax tkun provokat u l-għażla li tħobb l-għadu, hemmek turi jekk l-għażliet tiegħek humiex skont kif irid Ġesù jew le”.