Internazzjonali

Wara t-terremot fit-Tajwan: Tarbija ssalva mill-kroll ta’ bini

L-iskwadri tas-salvataġġ fil-belt Tajwaniża ta’ Tainan tellgħu tarbija ħajja minn taħt it-tifrik ta’ blokk ta’ appartamenti li kkrolla waqt it-terremot qawwi tas-Sibt li laqat iz-zona. Il-bini partikolari kien twil madwar 17 il-sular u t-tarbija, li għandha sitt xhur, salvat xi 30 siegħa wara li kien ċeda l-blokk b’konsegwenza tat-theżżiża.

Aktar qabel raġel ta’ 20 sena wkoll ittella ħaj minn taħt it-terrapien iżda qegħdin jonqsu t-tamiet li jsalva xi ħadd fost madwar 120 persuna li jaħsbu li spiċċaw taħt it-tifrik tal-appartamenti. ’Il fuq minn 25 li mietu kienu fil-bini meta laqat it-terremot, bl-awtoritajiet tat-Tajwan, issa, qegħdin jinvestigaw il-kostruzzjoni tal-blokk partikolari.

L-iskwadri tas-salvataġġ, fi tmiem il-ġimgħa, irnexxielhom isalvaw għexieren ta’ nies miz-zona tal-emerġenza, bi kważi 500 jindarbu b’konsegwenza tat-terremot li rreġistra 6.4 fuq l-Iskala Richter meta laqat dik iz-zona tat-Tajwan. Intant, għexieren ta’ midruba għadhom rikoverati l-isptar waqt li mijiet ta’ suldati, uħud bil-klieb imħarrġin, qed jieħdu sehem fl-impenji tas-salvataġġ fl-inħawi ta’ Tainan. Twaqqfu wkoll ix-xelters għan-nies li tilfu djarhom f’din il-belt ta’ żewġ miljun resident.