Internazzjonali

Wara t-terremot fl-Italja…Indikati aktar katavri f’Amatrice

L-awtoritajiet Taljani komplew bil-kalkoli wara t-terremot traġiku tal-24 ta’ Awwissu li ħalla tal-anqas 290 mejtin f’numru ta’ zoni fl-Italja. Dan meta l-impatt inħass l-aktar fl-inħawi ta’ Amatrice, Accumoli, Arquata u Pescara del Tronto.

L-aħħar rapporti mir-reġjun qalu li – waqt li kompla t-theżżiż tal-art sekondarju — l-iskwadri għas-salvataġġ x’aktarx li sabu aktar katavri ta’ vittmi fil-fond tat-terrapien f’Amatrice li hi l-agħar belt milquta mit-terremot u fejn hemm mal-230 mejtin ikkonfermati.

Skont l-indikazzjonijiet, f’Amatrice (li tinsab qalb l-għoljiet) għad hemm tal-anqas 10 persuni neqsin, b’kelliema għas-servizzi tal-emerġenza jindikaw ‘tliet katavri ġodda’ fil-Lukanda Roma li kkrollat fl-eqqel tat-theżżiża kbira.

Il-Viċi-Sindku ta’ Amatrice, Gianluca Carloni, qal, sadanittant, li hu assolutament importanti li s-servizzi tal-emerġenza jikkonkludu din il-fażi tat-tfittxija biex jaċċertaw li ma jkunx fadal katavri taħt it-tifrik tal-bini. Dan meta spiċċat kważi kull tama li jittellgħu aktar ħajjin mit-terrapien.

L-iskwadri tal-emerġenza mistennija jkomplu bit-tfittxija f’Amatrice, bl-awtoritajiet qed jaħsbu biex jibnu mill-ġdid il-komunitajiet imfarrkin mit-terremot.