Sport Waterpolo

Waterpolo: Ikomplu l-impenji tat-timijiet Nazzjonali

 

Wara l-aħħar wirjiet pożittivi tat-timijiet Nazzjonali tal-Irġiel u tan-Nisa ta’ taħt is-17-il sena, l-attenzjoni għal dawn il-jiem se ddur fuq it-tim Nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena u t-tim Nazzjonali tal-kbar, b’żewġ kompetizzjonijiet importanti.

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran qal li bħala Assoċjazzjoni qed jieħdu rwol ewlieni fl-Isport Malti biex jospitaw diversi tournaments. Caruana Curran qal li huma qed jipprogrammaw biex ikollhom bdil ta’ tournaments ma’ pajjiżi oħra biex ikomplu jkabbru r-relazzjoni tagħhom.

Joe Caruana rringrazzja l-klabbs li qed jagħtu s-sehem tagħhom f’kull kategorija u b’referenza għat-timijiet tan-nisa, il-President tal-ASA qal li teżisti l-intenzjoni li jdaħħlu tim tan-nisa tal-kbar bil-ħsieb ikun ukoll li jsir il-kampjonat tan-nisa tas-Sajf.

Il-kowċ Nazzjonali tal-kbar Karl Izzo qal li din il-kompetizzjoni tidher li se tkun l-unika kompetizzjoni li se jieħdu sehem fiha bħala tim Nazzjonali tal-kbar. Mill-iskwadra finali se jkun hemm neqsin Niki Lanzon li rtira, John Brownrigg u l-gowlkiper Alan Borg Cole bis-Slimiż Ryan Coleiro jiġi mgħajjat għall-ewwel darba fl-iskwadra. Il-kowċ Izzo ddeċieda li jdaħħal aktar l-element żagħżugħ u jittama li ikun preparat biżżejjed, b’Karl Izzo li se jkollu t-tim għad-dispożizzjoni tiegħu għall-ewwel darba wara l-finali tal-Kampjonati Ewropej li saru f’Jannar. Eskluż ukoll hemm Edward Aquilina li Izzo tenna li kellu kampjonat tax-Xitwa, tajjeb u żgur li l-bieb mhux magħluq għalih, fejn sostna li għal kompetizzjonijiet maġġuri jista’ jkun inkluż fil-lista finali.

Izzo tenna li ħadd m’għandu postu garantit. Il-kowċ nazzjonali qal li hu diffiċli biex wieħed jieħu post il-personalità ta’ Niki Lanzon. Izzo jara lil Aurelien Cousin li jista’ jieħu l-irwol fid-difiża filwaqt li jara lil Steve Camilleri l-persuna ideali biex ikun il-kaptin tat-tim Nazzjonali. Dwar Camilleri, l-ASA se tkun qed tistenna sal-aħħar minuta biex tara jekk il-plejer ta’ Ortigia ikunx għad-dispożizzjoni tat-tim Nazzjonali minħabba li l-kampjonat tiegħu jinsab f’fażi delikata.

L-iskwadra proviżorja hi: Jeremy Abela (Neptunes), Jordan Camilleri (Neptunes), Steve Camilleri (Neptunes), Aurelien Cousin (San Ġiljan), Ben Plumpton (San Ġiljan), Dino Zammit (San Ġiljan), Matthew Zammit (San Ġiljan), Alex Attard (Sliema), Nicholas Bugelli (Sliema), Christian Cluett (Sliema), Ryan Coleiro (Sliema), Jerome Gabarretta (Sliema), Mark Meli (Sliema), Marc Grech (Sirens), Nicholas Grixti (Sirens), Michael Rizzo (Valletta), Michael Spiteri Staines (Valletta).

It-tim Malti jiftaħ l-impenji tiegħu l-Ħamis 12 ta’ Mejju fit-7.45pm kontra l-Polonja, u jkompli bil-logħob il-Ġimgħa 13 ta’ Mejju fl-10.15am kontra l-Iskozja u fit-7.45pm kontra d-Danimarka, is-Sibt 14 ta’ Mejju fit-7.45pm kontra l-Isvizzera bil-Ħadd jintemm it-tournament bil-logħob tal-klassifikazzjoni.

 

Minn naħa l-oħra, il-kowċ tat-tim Nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena Anthony Farrugia qal li t-tim kellu preparazzjoni tajba fejn fosthom ipparteċipaw fil-Kampjonat tax-Xitwa kif ukoll kellhom kamp ta’ taħriġ.

Farrugia qal li l-avversarji ta’ kontrihom mhux faċli fejn sostna li l-Ġermanja hu l-aħjar tim fil-grupp filwaqt li kapaċi jirbħu lis-Slovenja u l-Bulgarija bil-ġlieda għal kwalifikazzjoni mistennija tkun mal-Ukrajna li ltaqgħu magħhom l-aħħar is-sena l-oħra f’Baku l-Ażerbajġan bl-Ukreni joħorġu rebbieħa 12-6. Jekk it-tim Malti jgħaddi, huma jgħaddu għal fażi finali fl-Olanda.

Differenza li Farrugia sostna hi li b’differenza għan-Nazzjonijiet l-oħra, il-maġġoranza taż-żgħażagħ Maltin għadhom ma daħlux biżżejjed fit-tim rispettiv tagħhom. Fl-aħħar ġimgħat, it-tim sofra daqqa ta’ ħarta oħra hekk kif Darren Zammit weġġa’ l-groin filwaqt li Christian Mifsud kellu jieqaf mill-Isport minħabba li daħal fil-Forzi Armati. Farrugia qal li jekk ikunu dixxiplinati u tgħin ftit il-fortuna jistgħu jgħaddu.

L-iskwadra finali hi: Zachary Sciberras (Sliema), Nicholas Bugelli (Sliema), Kyle Navarro (Neptunes), Jacob Sciberras (Sirens), Isaiah Riolo (Sirens), Ben Plumpton (San Ġiljan), Joseph Galea (San Ġiljan), Michele Mifsud (Sliema), Jeremy Abela (Neptunes), Miguel Zammit (Neptunes), Matteo Cacici (Neptunes), Matthias Azzopardi (Neptunes), Jake Tanti (Neptunes), David Fenech (Sliema).

Plejer li se jkun fiż-żewġ skwadri hu l-plejer ta’ Sliema Nicholas Bugelli fejn qal li t-tim ta’ taħt id-19-il sena hu magħqud u jemmen li għandu biżżejjed kwalità biex imur tajjeb. Bugelli qal ukoll li l-kowċ ta’ Sliema Dejan Milakovic u l-kowċis Nazzjonali qed ikunu ta’ għajnuna fejn teżisti possibiltà tajba li jkompli jilgħab is-Serbja.

It-tim ta’ taħt id-19-il sena jilgħab l-ewwel logħba llum fis-7.15pm kontra l-Ġermanja, għada 6 ta’ Mejju kontra l-Ukrajna fis-7.15pm, is-Sibt 7 ta’ Mejju fis-7.15pm kontra s-Slovenja bl-aħħar logħba tkun il-Ħadd fl-10.15am kontra l-Bulgarija.