Internazzjonali

Wirja ta’ saħħa militari mill-Korea ta’ Fuq waqt anniversarju importanti

Il-Korea ta’ Fuq organizzat waħda mill-akbar ċelebrazzjonijiet fl-istorja tagħha biex tfakkar is-70 anniversarju tal-Partit Komunista fil-Gvern.

Fi Pyongyang spikkat dimostrazzjoni tal-qawwa militari tal-Istat, fost kavalkata wara l-oħra ta’ vetturi armati u missili ballistiċi, bit-truppi jimmarċjaw fiċ-ċentru tal-kapitali.

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un ippresieda fuq din iċ-ċerimonja li għaliha ma attenda l-ebda mexxej ta’ pajjiż ieħor. F’diskors li għamel fil-pjazza ta’ Pyongyang li ssemmiet għal Kim Il-Sung, il-fundatur tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un qal li pajjiżu ‘kapaċi jiddefendi lilu nnifsu fi kwalunkwe gwerra li tista’ tibda l-Istati Uniti.’

Waqt li kien qed jitkellem Kim, kompliet il-parata tat-tankijiet tal-gwerra u missile carriers fil-kapitali waqt li numru ta’ ajruplani ħadu sehem fi fly past fuq Pyongyang fejn iffurmaw in-numru 70 bħala messaġġ simboliku tal-anniversarju.

Osservaturi barranin qalu li l-parata fi Pyongyang kienet intiża bħala messaġġ konkret minn Kim Jung-un li l-Korea ta’ Fuq għandha qawwa militari sostanzjali u li ‘l-qawwiet tar-reġim huma magħquda’.

Il-programm nukleari tal-Korea ta’ Fuq ilu jqanqal l-inkwiet fir-reġjun, bl-analisti jaħsbu li r-reġim fi Pyongyang wettaq diġà tliet provi nukleari taħt l-art. Hemm ukoll l-inkwiet li Pyongyang qed jhedded biex iwettaq ir-raba’ prova nukleari minkejja l-kundanna u s-sanzjonijiet tal-komunità internazzjonali.