Kunsilli Lokali Lokali Parlament

Xogħol b’direct order ta’ madwar €5,000

Ftit jiem qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali li għaddiet, l-eks sindku ta’ San Pawl il-Baħar Raymond Tabone ta xogħol b’direct order ta’ madwar €5,000 biex madwar il-lokalita’ tpoġġew numru ta’ pjanti.

Madankollu f’dan il-kuntratt ma ħasibx biex jiddaħħal maintenance agreement, biex fost l-oħrajn dawn il-pjanti jissaqqew, bil-konsegwenza li dawn il-pjanti nixfu.

Dwar din il-kwistjoni, id-Deputat Ċensu Galea għamel mistoqsija parlamentari lill-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali, Owen Bonnici fejn ħareġ li l-limitu ta’ xogħol mogħti minn Kunsill Lokali b’direct order hu ta’ €1,164,69; erba’ darbiet inqas mid-direct order ta’ Raymond Tabone.

Suppost, skont l-istess mistoqsija parlamentari, Kunsill Lokali li jinqabad jaqbeż l-ammont jintbagħat għand il-Bord ta’ Governanza għal aktar investigazzjoni.

Iżda għall-kuntrarju, fil-każ ta’ Raymond Tabone, dan mhux talli ma’ ġiex investigat, anzi l-Kunsill Lokali ġie ordnat mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali biex iħallas is-somma sħiħa.

Il-Kunsill Lokali preżenti, immexxi minn Graziella Galea, ipprova jieħu azzjoni tant li biex issaqqew ħames darbiet mill-ELC bejn Lulju u Awwissu li għadda, intefqet spiża ta’ €800.

Madankollu l-Kunsill Lokali ġdid iffaċċja sitwazzjoni ta’ kważi nofs miljun dejn, li minnhom €274,000 akkumulaw ftit qabel l-elezzjoni, u nefqa ta’ darba u nofs iktar mill-allokazzjoni annwali.