Internazzjonali

Xokk dwar qtil ta’ tfajla li setgħet inħarqet ħajja fil-Pakistan

Il-Pulizija fil-Pakistan arrestat madwar 13-il persuna b’konnessjoni mal-qtil brutali ta’ tfajla ta’ 16-il sena li seħħet fuq id-direttiva ta’ anzjani li jmexxu l-kunsill ta’ villaġġ.

Ir-reat nissel xokk u stmerrija fil-Pakistan u ’il hinn minnu meta sar magħruf li t-tfajla spiċċat ‘ikkundannata għall-mewt’ talli għenet ħabiba tal-iskola biex taħrab u tiżżewweġ lil min riedet hi, minflok aċċettat li ħaddieħor jagħżlilha r-raġel, skont liġi primittiva li għadha effettiva sal-lum.

Il-vittma, li kienet jisimha ‘Amber’, inħatfet minn darha qrib Abbottabad u tpoġġiet ġo vettura li ngħatat in-nar, biha ġo fiha. Intant, l-aħħar rapporti qalu li l-arrestati f’dan il-każ jinkludu l-omm ta’ Amber u l-kap tal-kunsill lokali, jew jirga, inkwistjoni.

L-omiċidju qed ikun konness mad-deċiżjoni tal-jirga (assemblea ta’ anzjani) fil-villaġġ ta’ Makol. Skont il-pulizija, din l-assemblea ta’ 15-il membru insistiet li t-tfajla tgħaddi minn dan il-martirju talli għenet lil ħabibtha biex ‘tisfida t-tradizzjoni u s-sens tal-unur’.

Xi rapporti qalu li ‘Amber’ kienet iddrogata mill-aggressuri, qabel tpoġġiet ġo vann ipparkjat, u bl-aggressuri jaħslu lill-istess karozza bil-petrol qabel tawha n-nar. Intant, sorsi oħra qalu li ‘Amber, fil-fatt, kienet għadha ħajja’ meta l-aggressuri qabbdu l-vann.

L-hekk imsejjaħ ‘qtil ta’ unur’ hu kwistjoni konsistenti u inkwetanti fil-Pakistan u ħafna każi bħal dawn jibqgħu mhumiex irrappurtati. Propru s-sena l-oħra, kważi 1,100 mara nqatlu minn qrabathom ‘għal aġir li kien jagħmel diżunur lill-familji tagħhom,’ skont rapport mill-Kummisssjoni għad-Drittijiet Umani indipendenti fil-Pakistan.

Sadanittant, rapporti qalu li l-ħabiba tal-iskola tat-traġika Amber irnexxielha tiżżewweġ lir-raġel li riedet u li huma t-tnejn, bħalissa, qed jgħixu f’lokalità mhix identifikata.