Parlament

X’qed ibeżża lill-Prim Ministru? – Charlo Bonnici

Id-Deputat Nazzjonalista Charlo Bonnici qal li proposta li qed tagħmel l-Oppożizzjoni hi dwar hin dedikat għal mistoqsijiet lill-Prim Ministru. Din tkun opportunità li tagħti aktar saħħa lid-demokrazija Parlamentari kif ukoll opportunità lill-Prim Ministru li juri kemm verament jemmen bis-sħiħ fid-demokrazija.

Charlo Bonnici qal li l-ħin ta’ mistoqsijiet lill-Prim Ministru huma test ukoll għall-Kap tal-Oppożizzjoni kif ukoll għall-backbenchers.

Id-Deputat Nazzjonalista staqsa x’qed ibeżża’ lill-Prim Ministru u lin-naħa tal-Gvern milli l-Parlament ikollu din l-opportunità.

Kieku din il-possibbiltà kienet teżisti, il-Parlament kien ikollu kull opportunità li jwieġeb mistoqsijiet dwar in-numru ta’ skandli li saru magħrufa fl-aħħar tliet snin. Kienu jsiru mistoqsijiet dwar suġġetti oħra ta’ importanza u l-Prim Ministru ma jkunx jista’ jinħeba wara r-risposti għall-interpellanzi billi jgħid li t-tagħrif jingħata f’seduta oħra.

Charlo Bonnici qal li l-proposti tal-Gvern biex itawwal il-ħin tas-sospensjoni wara sejħa għal kworum, votazzjoni f’ġurnata waħda u tibdil fl-alternanza ta’ xogħol tal-Kamra fil-ġurnata tal-Ħamis. Jeżisti suspett konkret min-naħa tal-Oppożizzjoni li dan it-tibdil li qed isir aktar biex jaġevola lill-Gvern milli biex jingħataw aktar drittijiet lill-poplu.