Lokali

“X’seta’ għamel ħażin ibni biex qatluhuli?” – omm l-Avukat Carmel Chircop

“X’seta’ għamel ħażin ibni biex qatluhuli?” – dawn kienu l-ewwel kelmiet ta’ Dolores, omm l-Avukat Carmel Chircop li lbieraħ inqatel f’kumpless ta’ garaxxijiet f’Birkirkara.

Hi rrakkontatilna li kmieni l-Ħamis filgħodu semgħet ħafna sireni imma qatt ma basret li s-sireni kienu minħabba l-qtil ta’ binha.

Tkellimna wkoll ma’ oħt l-Avukat, Marthese, li rrakkontat kif saret taf bil-qtil ta’ ħuha.

Tista’ ssegwi l-kummenti ta’ omm u oħt l-Avukat fil-filmat.

Matul is-sigħat li għaddew il-Pulizija kompliet bl-istħarriġ tagħha dwar il-qtil tal-Avukat Carmelo Chircop f’B’Kara.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li mill-awtopsja ġie stabbilit li l-Avukat inqatel b’erba’ tiri minn distanza fil-qrib u miet kaġun tat-tiri li ġarrab.

netnews.com.mt illum mar fil-post fejn seħħ id-delitt u fejn il-Pulizija għamlet tfittxija intensiva, l-aktar fil-garaxx tal-Avukat Chircop.

L-Avukat Carmel Chircop inqatel hekk kif daħal fil-kumpless ta’ garaxxijiet li hemm fi Triq Ġanni Borg f’Birkirkara. Il-garaxx tal-Avukat Carmelo Chircop jinsab fl-ewwel sular hekk kif tidħol f’dan il-kumpless.

Jistennih fil-viċinanzi fl-istess daħla tal-kumpless tal-garaxxijiet kien hemm il-qattiel jew qattiela tiegħu li ħasduh u qatluh.