Lokali

Xufier ta’ limousine jattakka omm u jolqot tifla ta’ 9 snin waqt argument

Tifla li nhar is-Sibt li għadda għalqet 11-il sena se tibqa’ tiftakar il-birthday tagħha, imma żgur mhux għal raġunijiet sbieħ. Dan hekk kif nhar is-Sibt li għadda, propju waqt avventiment ta’ għeluq sninha, seħbitha allegatament spiċċat imsawwta minn xufier ta’ limousine ta’ kumpanija li tirriklama parties għat-tfal.

Skont omm ta’ waħda mit-tfal, li rrakkuntat dak li seħħ fuq Facebook, hi kriet servizz ta’ limousine għal bintha u grupp ta’ disa’ ħbieb tagħha, ta’ eta’ bejn id-disgħa u l-ħdax-il sena. Spjegat li meta għamlet il-booking, għall-10:30 tas-Sibt, għamlitha ċara lill-kumpanija li xtaqet li t-tfal ikunu servuti juice, minflok l-alkoħol jew xampanja li jiġu offruti s-soltu, u li x-xufier jilqa’ lit-tifla billi jawguralha ‘Happy Birthday, Alexandra.”

Imma jirriżulta li s-Sibt ix-xufier baqa’ ma ġiex, allegatament minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni li wasslet biex ix-xufier jaħseb li l-booking kien għal filgħaxija. Malli wasal, madwar nofs siegħa tard, l-omm qalet li dan kien arroganti, irrifjuta li jiltaqa’ magħhom fejn miftihem, ma laqax lit-tfal u għajjat mal-omm għax kienet se tiftaħ il-bieba tal-karozza hi.

Wara dan l-episodju, u hekk kif irriżulta wkoll li għall-grupp ta’ tfal kellu biss xampanja, l-omm ċemplet lill-kumpanija li offrewlha li tieħu lura d-depożitu u ma tħallasx għas-servizz.

Malli t-tfal irritornaw, dawn infurmaw lill-ġenituri li fil-karozza bdew jindaqqu kanzunetti bi kliem baxx u ħażin, u x-xufier beda jinsisti li jitħallas tas-servizz. Jidher li malli l-omm qaltlu li ċemplet lill-kumpanija, dan irvilla, imbuttahha u ħadilha l-basket li kellha biex qabad itiha bih.

“L-oġġetti kollha li kelli fih spiċċaw mal-art,” spjegat l-omm, filwaqt li kompliet “waqt li x-xufier qabad jgħajjat miegħi, itini daqqiet bil-basket u saħansitra laqat lil tifla ta’ disa’ snin. Din bdiet twerżaq, sħabha nfexxew jibku, trawmatizzati minn dak li seħħ.”

Kien f’dan il-waqt li l-mara qalet li ċemplet lill-Pulizija, li qalulha li trid tmur l-għassa tagħmel ir-rapport b’mod personali, u wara ppruvat iċċempel mill-ġdid lill-kumpanija. madankollu, kif ra hekk ix-xufier ħadilha l-mobile ukoll

Kien hawn li x-xufier telaq mill-post, waqt li l-omm marret tagħmel rapport l-għassa tal-Belt, akkumpanjata minn uħud mill-ġenituri l-oħra bħala xhieda ta’ dak li seħħ. Filfatt jidher li x-xhieda tal-ġenituri qablet.

F’kummenti ma’ dan is-sit, l-omm spjegat ukoll li qed tikkunsidra tieħu passi legali kontra l-kumpanija wara dan it-trattament.