Lokali

Aġġornata: Żagħżugħ jinstab mitluf minn sensieh f’għalqa

Ritratt: Arkivji

Żagħżugħ jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li nstab mitluf minn sensieh f’Għalqa.

Għall-ħabta tal-għaxra u kwart ta’ dalgħodu, l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha u dik medika fi triq li tinsab qalb l-għelieqi fil-limiti tar-Rabat.

Il-Pulizija marru fil-post wara li daħlet informazzjoni minn persuna li kienet għaddejja fl-inħawi, li f’għalqa kien hemm persuna tidher li kienet mitlufa minn sensiha. Mill-ewwel investigazzjonijiet fuq il-post irriżulta li fl-għalqa kien hemm żagħżugħ li aktarx kien waqa’ għoli ta’ madwar nofs sular mit-triq u spiċċa mixħut fl-għalqa.

Peress li l-vittma kellu xi ġrieħi ssejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard, ir-raġel li għandu 27 sena u huwa residenti Ħal Lija, ġie ċċertifikat li għandu ġrieħi serji u jinsab f’qagħda kritika.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.