Lokali

Żagħżugħ Somalu arrestat f’Pozzallo fuq pussess ta’ droga hekk kif kien għadu jasal minn Malta

Il-Pulizija fl-Italja arrestaw Somalu mal-wasla tiegħu f’Pozzallo minn Malta f’dawn l-aħħar sigħat wara li nstab li kien qed iġorr ammont konsiderevoli ta’ droga.

Jirriżulta li ż-żagħżugħ Somalu kellu madwar 35 kilogramma ta’ droga Khat, jew aħjar kif inhi magħrufa bħala d-droga tal-foqra.

Din id-droga tiġi prodotta minn pjanta li tinstab l-iktar f’reġjuni orjentali tal-Afrika, fost l-oħrajn l-Etjopja, ir-Rwanda, l-Uganda, il-Kenja u l-Yemen u fis-snin bdiet tasal ukoll fis-swieq Ewropej.

Tissejjaħ bħala d-droga tal-foqra għaliex biex wieħed ikollu l-effetti tad-droga, hu biżżejjed li dak li jkun jomgħod il-weraq tal-istess pjanta. Dan ifisser li m’hemmx il-bżonn ta’ proċessi kimiċi li jsiru għal drogi oħra.

L-arrest taż-żagħżugħ sar mill-uffiċjali tal-Arma di Pozzallo al Porto, ta’ Pozzallo, immedjatament malli dan niżel mill-katamaran li kien għadu jasal f’Pozzallo.