Lokali

Zammit Young ingħatat €75,000 biex ħalliet xogħla jiem qabel inħatret Maġistrat

Jiem biss wara l-kontroversja tal-Gvern Laburista, li bi ksur tal-Kostituzzjoni nnomina lil Caroline Farrugia Frendo u Ingrid Zammit Young bħala Maġistrati, ikomplu joħorġu iktar dettalji.

Dan hekk kif sar magħruf li Zammit Young ingħatat somma ta’ €75,000 biex ħalliet xogħolha mal-kumpanija GO taħt skema ta’ irtirar b’mod volontarju jiem biss qabel ġiet nominata għall-kariga ta’ Maġistrat.

Mistoqsija minn The Sunday Times hi qalet li din kienet biss koinċidenza u rrifjutat li twieġeb meta kienet infurmata mill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici bin-nomina tagħha.

Sar magħruf ukoll li missier Ingrid Zammit Young, Godwin, hu s-Segretarju tal-Kumitat tal-Partit Laburista fil-Fgura u kanvasser prominenti fit-tielet u r-raba’ distrett elettorali.

Madankollu kelliema għall-Ministeru ta’ Owen Bonnici ċaħdet li dan qatt aġixxa bħala kanvasser tal-istess Ministru u skont hi Godwin Young ma kellu l-ebda influwenza biex bintu tiġi nominata bħala Maġistrat.

Skont l-istess kelliema li tkellmet ma’ The Sunday Times of Malta, in-nomina ta’ Ingrid Zammit Young keienet deċiżjoni tal-kabinett kollu.