Lokali Qorti

Żewġ persuni jinqabdu bi 800 gramma droga fl-Ajruport ta’ Malta

Raġel ta’ 41 sena u mara ta’ 30 sena minn Aruba fil-Karibew kienu arrestati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li fil-pussess tagħhom instabu 800 gramma ta’ droga kokaina.

Jirriżulta li mal-wasla taż-żewġ persuni f’Malta, il-Pulizija x’aktarx li kellha informazzjoni li ż-żewġ persuni seta’ kellhom fuqhom kapsuli bid-droga moħbija fuq il-persuna tagħhom.

Iż-żewġ persuni, li kellhom passaporti Olandiżi, inżammu arrestati u wara eżamijiet mediċi instab li kellhom 800 gramma droga kokaina.

Iż-żewġ persuni tressqu l-Qorti llum quddiem il-Maġistrat tal-Għassa u kienu akkużati b’assoċjazzjoni fl-importazzjoni u bil-pussess aggravat ta’ droga kokaina.

Iż-żewġ persuni m’ammettewx l-akkużi miġjuba kontrihom u kienet miċħuda t-talba għal-liberta’ proviżorja.