Sport

Żewġ rebħiet għat-tim nazzjonali Malti tal-Futsal

F’dawn l-aħħar jiem it-tim nazzjonali Malti tal-futsal immexxi mill-kowċ il-ġdid Peter Pullicino kiseb żewġ rebħiet f’partiti ta’ ħbiberija li lagħab kontra San Marino.

Dawn il-partiti ntlagħbu biex it-tim iħejji għall-konfronti ferm importanti ta’ bejn it-22 u l-25 ta’ Ottubru meta dakinhar il-Maltin se jilagħbu kontra Franza, l-Albanija u l-Litwanja f’logħbiet validi mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-Futsal.

Fl-ewwel partita kontra San Marino l-Maltin irreġistraw rebħa komda ta’ 5-1. L-iskorers għall-Maltin kienu Xavier Saliba, Carl Azzopardi, Melvin Borg u Matthew Attard filwaqt li l-ħames gowl wasal meta plejer ta’ San Marino kkommetta awtogowl.

San Marino skurjaw gowl ta’ konsolazzjoni fl-aħħar minuti.
Fit-tieni partita l-avversarji tal-Maltin offrew sfida aktar denja jum wara li kienu tilfu 5-1. Fil-fatt, it-tim ta’ Pullicino kellu jwettaq rimonta biex rebaħ 5-3 wara li kien 3-1 minn taħt.

Kienu l-Maltin li fetħu l-iskor iżda San Marino skurjaw tnejn qabel tmiem l-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima San Marino żiedu ieħor sakemm 11-il minuta mit-tmiem Malta skurjaw erba’ gowls permezz ta’ Luke Stivala, Carl Azzopardi, Xavier Sliba u doppjetta ta’ Dylan Musu.