Lokali

Żewġ tfajliet sfaw aggrediti minn raġel fi sqaq f’San Ġiljan

Żewġ tfajliet sfaw aggrediti minn raġel f’San Ġiljan – fejn waħda minnhom sofriet ġrieħi gravi wara li nstabet b’numru ta’ feriti u kellha xi dmijja.

Iż-żewġ tfajliet kienu mixjin għal ħabta tal-4 ta’ filgħodu fi Sqaq Lourdes f’San Ġiljan, meta ġew avviċinati minn persuna mhux magħrufa li prova jisirqilhom il-handbags. Meta sab resistenza, il-ħalliel ta’ daqqa b’oġġett li jaqta’ u bil-ponta lil tfajla minnhom u ħarab jiġri bil-handbag.

Il-vittmi tal-każ huma tfajla Maltija ta’ 25 sena minn Marsaxlokk u Pollakka ta’ 33 sena.

Peress li t-tfajla Maltija kellha xi dmija b’kawża tad-daqqiet u dehret li sofriet ġrieħi serji mal-ewwel fuq il-post marret ambulanza – li ssejħet fuq il-post tas-serqa minn persuni li kienu fil-viċinanzi u aġixxew immedjatament. L-ambulanza ħadet lit-tfajla l-isptar Mater Dei għall-kura.

Bħal f’każijiet oħra, il-Pulizija qed titlob l-assistenza li kull min għandu kwalunkwe informazzjoni dwar dan il-każ imħeġġeġ jagħmel kuntatt, anka b’mod kunfidenzjali, fuq in-numru 119 jew 21 224 001.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Neville Camilleri li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.