Kurżitajiet

Żvelata l-ewwel Prinċipessa Latina ta’ Disney

Il-kumpanija Disney żvelat karattru ġdid, il-Prinċipessa Elena ta’ Avalor, l-ewwel prinċipessa Latina.

Il-prinċepessa li ngħatat l-età ta’ 16-il sena se tkun qed tiddebutta għall-ewwel darba f’episodju speċjali f’wieħed mill-programmi tas-sena d-dieħla ta’ ‘Sofia the First’.

Skont il-midja internazzjonali, Sofia, il-prinċipessa ewlieni f’dan il-programm, se tkun fuq missjoni biex titrasforma lil Elena, il-prinċipessa Latina, lura f’persuna umana u terġa tingħaqad mal-familja tagħha. Wara dakinhar, huwa maħsub illi jibda programm ġdid għat-tfal li l-karattru ewlieni tkun il-Prinċipessa Latina stess.

Rapreżentanta ta’ Disney, Nancy Kanter, tkellmet mal-midja internazzjonali u qalet li permezz ta’ Elena, id-dinja tal-prinċipessi se tkun iktar universali minħabba li se tkun qed iddaħħal aktar diversità ta’ nies. Apparti minn hekk, Disney se jkunu wkoll qed jaħdmu fuq immaġini ġodda li jirriflettu l-kultura Latina.