Lokali

Żvelata rabta bejn Nexia BT u l-kumpanija li tipprovdi servizz ta’ jets privati lil Joseph Muscat

Il-gazzetta Times of Malta żvelat li hemm rabta bejn il-kumpanija Nexia BT u kumpanija partikolari li tipprovdi servizz ta’ jets privati lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Nexia BT hi l-kumpanija li għenet lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri jiftħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu is-senserija.

Jirriżulta li l-Managing Partner ta’ Nexia BT Brian Tonna u wieħed mill-partners ta’ Nexia BT Karl Cini, għandhom 25% sehem f’kumpanija bl-isem Eurojet Limited. Eurojet hija kumpanija li fl-aħħar snin tat servizzi ta’ private jets lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

The Times stess kienet irrappurtat li l-Gvern nefaq madwar €1.2 miljuni f’34 vjaġġ bi private jet mill-Prim Ministru Joseph Muscat u d-delegazzjoni tiegħu għal safriet uffiċjali. Dan is-servizz ta’ jets privati kien pprovdut minn żewġ kumpaniji – Eurojet Limited u Vista Jet Limited.

Iż-żewġ kumpaniji twaqqfu f’Jannar 2015 bl-indirizz reġistrat tagħhom ikun l-istess wieħed bħall-Uffiċini ta’ Nexia BT f’San Ġwann.

Kull ma jmur, ir-rabta bejn Nexia BT u l-Gvern tkompli toħroġ fil-beraħ. Filfatt, l-Uffiċju tal-Prim Ministru ta b’kemm jiswew €750,000 f’kuntratti lil Nexia BT.