Internazzjonali

Żviluppi oħra fil-gwerra kontra t-terrur:

Tibqa’ fuq allert
■ Il-belt kapitali tal-Belġju, Brussell, baqgħet tosserva l-ogħla livell ta’ allert, meta l-iskejjel u l-metro se jibqgħu magħluqin għal ġurnata oħra. L-iskejjel mistennija jiftħu mill-ġdid illum, iżda l-allert massimu fi Brussell għandu jibqa’ effettiv għal talanqas ġimgħa oħra. L-awtoritajiet Belġjani jinkwetaw li l-attakki terroristiċi ta’ jiem ilu f’Pariġi jistgħu jolqtu anki Brussell, bil-Prim Ministru Belġjan Charles Michel iwissi li t-theddida għadha imminenti. Intant, il-pulizija Belġjana akkużat lir-raba’ suspettat dwar reati terroristiċi marbuta mad-dmija ta’ Pariġi.

Diskussa l-ġlieda kontra l-ISIS
■ Il-ġlieda kontra l-ISIS qed tiddomina taħditiet fl-Istati Uniti bejn il-President Amerikan Barack Obama u l-President Franċiż Francois Hollande. Filwaqt li l-Istati Uniti mhix mistennija tappoġġja l-isforzi ta’ Franza għal alleanza ‘tal-Punent u r-Russja’ kontra l-ISIS, jeżisti xorta livell ta’ kooperazzjoni militari ma’ Moska. Franza, fil-preżent, qed tibgħat ajruplani tal-gwerra mill-aircraft carrier ‘Charles de Gaulle’ (li jinsab ‘il hinn mill-kosta tas-Sirja) biex jibbumbardjaw miri tal-ISIS. Ir-Russja wkoll żiedet ir-rejds tal-ajru kontra ribelli fis-Sirja, bil-Mexxejja tal-Punent iħeġġu biex Moska ‘tikkonċentra fuq it-terroristi tal-ISIS’.

Twissija dwar l-ivvjaġġar
■ L-Istati Uniti ħarġet twissija dwar l-ivvjaġġar fuq livell globali fid-dawl tal-attakki terroristiċi mill-ISIS. It-twissija mhix waħda tas-soltu iżda lanqas mhi waħda rari min-naħa tal-Istati Uniti. Sadanittant, twissijiet simili, fil-passat, kienu kkritikati bħala messaġġi vagi u li jservu biex jaqdu l-iskopijiet tat-terroristi minħabba l-klima tal-biża’ li joħolqu. Madankollu, miljuni ta’ Amerikani qed jippjanaw biex, din il-ġimgħa, jiċċelebraw il-Festa tradizzjonali ta’ Thanksgiving mal-għeżież u ħafna minnhom qegħdin jivvjaġġaw għal distanzi twal. Għaldaqstant, l-uffiċjali Amerikani jinsistu li din it-twissija hi miżura sensibbli għaliex tfakkar fit-theddida kontinwa tat-terroristi fuq livell dinji.

Stqarrija mill-Gvern Malti
■ Il-Gvern ta’ Malta ħareġ stqarrija fejn irrefera għat-twissija dwar l-ivvjaġġar min-naħa tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan. Ingħad li d-Dipartiment Amerikan ħareġ pariri speċifiċi dwar kull pajjiż fuq bażi individwali u li wieħed irid jinnota li l-pariri dwar l-ivvjaġġar għall-pajjiżi kollha taz-zona Schengen huma, fil-parti kbira, simili filwaqt li jirrelataw għall-ivvjaġġar f’din iz-zona ħielsa mill-fruntieri. Ingħad ukoll li ma hemmx informazzjoni sigrieta partikolari li tissuġġerixxi xi theddida speċifika għal Malta.

Rispett lill-vittma Taljana
● Fl-Italja sar il-funeral statali ta’ Valeria Solesin, il-mara żagħżugħa li kienet l-unika Taljana li tilfet ħajjitha waqt l-attakki terroristiċi tal-ISIS kontra Pariġi. Folol kbar ta’ nies inġabru għaċ-ċerimonja fi Pjazza San Marco ta’ Venezja li attendew għaliha numru ta’ distinti, fosthom il-President Taljan Sergio Mattarella. Valeria Solesin spiċċat fost l-għexieren tal-maqtula wara li t-terroristi kienu attakkaw l-Arena ta’ Bataclan ta’ Pariġi fejn, dak il-ħin, kien qed isir kunċert tal-grupp Amerikan Eagles of Death Metal.