BLOGS

Nibqgħu naħdmu u nemmnu li nistgħu nirbħu!

L-aħħar servej maħruġ mill-Malta Today juri li Simon Busuttil hu aktar popolari fost il-Partit Nazzjonalista milli Joseph Muscat hu fost il-Partit Laburista. Aktar minn hekk, dan l-istess stħarriġ tal-opinjoni pubblika juri wkoll li l-PN qed jakkwista b’mod konsistenti l-voti ta’ dawk li vvutaw PN fl-2008 u PL fl-2013. Dan kollu juri li l-Partit Nazzjonalista miexi fit-triq it-tajba u li effettivament tassew nistgħu nirbħu l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Lil hinn minn dan, jeħtieġ li nkomplu naħdmu. Ma nistgħux nieqfu jew ngħidu li wasalna xi mkien u nnaqsu mill-ħidma politika tagħna. Il-mument li nieqfu se nkunu qed innaqsu mill-mixja pożittiva li qbadna u li sal-lum waslitna biex ksibna r-riżultati li nixtiequ biex nerġgħu nkunu l-alternattiva għall-Partit Laburista f’dan il-pajjiż.
Fl-istess waqt, wieħed irid iżomm f’moħħu dejjem minn fejn tlaqna u li dan il-Partit kellu jerġa’ jibda kollox mill-bidu u b’distakk ta’ 36,000 vot li issa jidher li dan spiċċa wara li skont l-istħarriġ, id-distakk bejn il-partiti politiċi hu wieħed within margin of error.
Dan ifisser li l-elezzjoni tista’ tmur fuq kull naħa u li l-Partit Nazzjonalista jista’ jkun hu l-partit li jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss kemm-il darba nkomplu nkunu pożittivi u viċin in-nies kif qed inkunu f’din il-leġiżlatura fl-Oppożizzjoni.

Kuraġġ
Dan l-istħarriġ għandu jagħmel kuraġġ lil kull min hu Nazzjonalist ta’ vera u dawk ta’ rieda tajba biex flimkien inkomplu naħdmu u nagħtu l-massimu tagħna biex nagħtu lil dan il-pajjiż il-Gvern li tassew jixraq lill-poplu tagħna.
Sal-lum it-triq kienet waħda diffiċli, iżda bl-għaqda u d-determinazzjoni mxejna ħafna u llum ksibna mill-ġdid ir-rispett ta’ dawk li għal xi raġuni jew oħra kienu telqu lill-Partit Nazzjonalista, u fl-aħħar elezzjoni ġenerali għażlu li ma jivvutawx jew saħansitra vvutaw lill-Partit Laburista.

Iżda meta wieħed jara dan l-istħarriġ, jeħtieġ li jifhem eżatt dak li qed jiġri għax dawn l-ammonti qed jgħidulna ħafna affarijiet. Jidher ċar li rridu nkomplu naħdmu fuq livell ta’ partit biex nilħqu l-għan tagħna u li l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista qed jasal għand ħafna nies.
Fuq kollox hu evidenti li l-istejjer kollha ta’ skandli li l-Partit Laburista qed ikun protagonista fihom qed jaħdmu ħażin fil-konfront tiegħu stess u dan qed ikun determinanti biex jonqsu l-voti li l-istess Partit Laburista rebaħ fl-aħħar elezzjoni.
Iżda hawnhekk irridu noqogħdu attenti għax dawk li llum qed jgħidu li se jivvutaw PN jew PL xorta jistgħu jbiddlu l-intenzjonijiet tagħhom sa ma jasal il-jum tal-elezzjoni ġenerali. Għalhekk hu imperattiv li l-ewwel nissalvagwardjaw dak li sal-lum hu tagħna u nkomplu nikkonvinċu aktar nies jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista, inkluż Laburisti u dawk li għadhom ma jafux kif se jivvutaw.

Rebħa ta’ pajjiż sħiħ
Konvint li issa li qed nersqu lejn elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista se jkun qed jagħmel minn kollox biex ikompli jirbaħ il-voti li qed jitlef u allura hawnhekk jibda l-qerq li l-Partit Laburista tant huma magħrufin għalih.
Se jkunu qed iwegħdu l-ilma jiżfen lil kulħadd u se jkunu qed jippruvaw jagħtu impressjoni differenti ta’ dik li hi r-realtà tal-ġurnata. Il-ħsieb tagħhom hu biss wieħed – li jibqgħu fuq is-siġġu tal-poter basta jkomplu jkunu sinjuri minn fuq il-poplu ‘mbagħad dak li jiġri wara hu rrelevanti. Għal Muscat the end justifies the means u għalih mhux importanti kif jasal għat-tragward finali iżda importanti biss li jasal.
Dan iwassalna għal punt l-aktar importanti – ejjew nibqgħu wara l-Kap Simon Busuttil u ejjew inkomplu nagħtu l-appoġġ li dan il-Partit jixraqlu biex ir-rebħa tal-PN ma tkunx ir-rebħa ta’ partit jew inidividwu iżda r-rebħa ta’ pajjiż sħiħ li jrid jara lil Malta timxi ’l quddiem b’onestà.