BLOGS

Nirnexxu Lkoll Flimkien

Il-politika għal ħafna hi interpretazzjoni ta’ manifest, programm elettorali li mbagħad jisfaxxa fix-xejn ftit biss jiem wara r-riżultat attwali tal-elezzjoni, imma għal oħrajn hi impenn u dover lejn elettorat li jiddependi mill-politika biex f’ħajtu jilħaq il-milja tal-potenzjal tiegħu abbażi tal-meritokrazija.
Illum il-poplu Malti ngidem, ingidem minn politika estrema li xxaqleb il-miżien tal-fiduċja lejn persipizzju li jfannad il-ħolma li Malta qatt tista’ tkun, bħalma kienet sa ftit snin ilu – anke jekk telqet minn dagħbien ta’ xejriet tiranni u dittatorjali – demokratika fil-veru sens tal-kelma. Hi biss id-demokrazija fis-sens wiesa’ tad-definizzjoni li tagħti lill-poplu l-kuraġġ li jqum filgħodu jistinka biex jirnexxi.
Illum il-poplu Malti hu rrabjat, u bil-kif. U diżappuntat!

In-nepotiżmu
In-nepotiżmu joqtol kull sensazzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta, li fiha kulħadd iħossu ugwali irrispettivament l-inklinazzjoni politika, fejn il-livell u l-kredenzjali edukattivi flimkien mal-attributajiet personali jinkoraġġixxu u jimmotivaw liż-żgħażagħ u l-ħaddiema tagħna.
Imma Malta mardet, Malta nħakmet minn marda li gvernijiet Nazzjonalisti kienu qabdu jeradikaw b’suċċess. Konna naħilfu li Malta qatt ma tmur lura fis-snin, u hekk wegħedna l-Prim Ministru Joseph Muscat, wegħda falza quddiem poplu lubien li mbagħad tnebbaħ bil-qerq. Il-gidba Tagħna Lkoll kienet il-meritokrazija, imma issa kull min qiegħed jitħalla fil-kuritur tal-isptar għax Nazzjonalist, kull min ingħata trasferiment fl-impjieg għax Nazzjonalist, kull min intrema f’kantuniera jgħodd il-kwiekeb fl-eqqel tal-jum flok jagħti sehmu fil-ġirja tal-ekonomija għax Nazzjonalist… jista’ jaħlef li n-nepotiżmu ħonoq lil Malta, ħonoq il-ġustizzja li tant ħadem u bata l-poplu Malti għaliha fit-tmeninijiet.

Il-faqar soċjali
Il-faqar hu ġurdien li mhux la kemm teħles minnu. Il-ġurdien idur mas-saqajn jgħix bil-loqom hu misħut u mistkerrah, imma ħadd qatt ma jsib tarfu. Anzi, ftit diżattenzjoni u jinxtered donnu nar ta’ siegħa.
Hekk jixraqlu jidher dal-Gvern antisoċjali quddiem l-eluf li qed jistennew l-akkomodazzjoni soċjali. Min tnellaħ bihom u wegħedhom li għandu tarf il-kobba f’idu, kien hu li taha n-nar. Ivvendika ruħu mill-vulnerabbli li vvutawlu biex jgħajjixhom. Illum jinqeda b’union biex iwissi kontra ż-żieda fil-paga minima. Min qal li ma jiffriżahiex?! Irrelevanti l-wegħda tal-€50 miljun li għandhom ikunu ddedikati għall-akkomadazzjoni soċjali għax ġejja l-elezzjoni.
Il-bniedem jekk m’għandu xejn għandu d-dinjità, u hawn min hu lest jagħti ħajtu għaliha, imma dal-gvern qered kull xrara ta’ dinjità għax ġab lill-fqir tallab, u ġab lit-tallab umiljat għarkupptejh fil-kjuwijiet tal-Ministeri biex forsi xi darba jieħu li ħaqqu: l-għajxien diċenti li tant konna drajna bih taħt gverniijiet Nazzjonalisti. Għalxejn tħambaq il-Caritas u tixhed b’affermazzjonijiet fattwali r-rapport li l-faqar qajjem rasu.
Il-Gvern żorr, arroganti u insensittiv. Żied il-kirjiet, ġibed lil hawn u ġibed lil hemm, raħħas il-kontijiet tad-dawl ta’ min id-dar m’għandux għaxja ta’ lejla, jixxennaq li xi darba jkollu l-arja kkundizzjonata… xi darba, jekk xi darba jkollu kont irħas! Dik hi t-tama, li żżommu għaddej, meta ħaddieħor jiffanga minn fuq din l-istess tama hu u jberbaq flus il-poplu bil-moħbi, u Alla jbierek ikun protett minn kull istituzzjoni li kkrollat u nqabdet bħal f’xibka ta’ korruzzjoni mmexxija minn tliet allat: wieħed ma jismax, ieħor ma jarax u ieħor ma jitkellimx! Jew xadini kienu dawn?!

Il-libertà
Li tkun liberalizzat mhuwiex dnub, imma ma jfissirx li tagħmel li trid. Il-valuri u l-morali għandhom ir-rendikont, inkella pajjiż jaqta’ lura u jitlef dak li jagħmlu. Il-libertà tal-istampa u l-espressjoni libera llum ma mititx mewta naturali, imma bellgħulha l-morning after pill, hi u tgħajjat fid-dlamijiet ta’ ġuf il-passat meta pajjiżna kien jikkundanna lil min jidher b’In-Nazzjon f’idu. Jgħidulek li x-xandir nazzjonali għandu kull dritt li jagħżel u jbiddel l-iskeda! Naqblu. Mhux qiegħed nargumenta dan hawnhekk.
Li hu tal-biki hu l-manipulazzjoni tal-fatti. Aħbarijiet li għandhom joħonqu l-midja nazzjonali bħall-każi kollha ta’ allegatament korruzzjoni: (ħu nifs qabel taqrahom) il-pastażata tal-Cafè Premier, il-moqżiżata ta’ Gaffarena, il-ħniżrija tal-Panama, il-porkerija tal-visas mediċi… mhux l-ewwel darba li ngħataw il-ġenb biex pajjiżna jiddibatti każi irrelevanti li ġraw barra pajjiżna.
F’Malta normali konna niddiskutu lil Neville Gafà, imma le, niddiskutu r-raġel li waqa’ fit-toilet barra pajjiżna. X’ironija, x’paralleliżmu: hekk il-libertà tal-Maltin, hekk l-intelliġenza ta’ pajjiż li eduka ruħu f’50 sena – qed jifflaxxjahielna l-Gvern ta’ Joseph Muscat li tant jgħajjat bit-trasparenza, litteralment down the drain!

L-utopja
Nirnexxu Lkoll Flimkien: Din hi biss Utopja sakemm il-Partit Nazzjonalista jkun fl-Oppożizzjoni. Ix-xogħol, il-ġustizzja u l-libertà hekk kienu wkoll. Ħlomna li Malta verament tista’ tkun Tagħna Lkoll, imma Joseph Muscat għaffeġ il-karti mill-għada.
Pajjiżna għandu l-potenzjali li jirnexxi. Malta rnexxiet tegħleb kull sifda quddiemha grazzi għall-Partit Nazzjonalista: l-Indipendenza tas-sittinijiet, id-Demokrazija tat-tmeninijiet, l-Unjoni Ewropea u l-Ewro tal-elfejnijiet… mal-kisbiet impotenti li fuqhom il-Gvern tal-lum qed jibbaża: l-ekonomija b’saħħitha li ssostni lill-familji. Iva, lill-familji mhux lill-Kastilja!
Pajjiżna għandu l-potenzjal li jkun magħqud. Malta rat gvernijiet Nazzjonalisti jwarrbu l-bejtiet partiġjani. Kien gvern Nazzjonalista li ħatar President mill-kamp oppost għax jemmen li aħna Lkoll Maltin u Lkoll għandna x’nagħtu. Aħna Lkoll irridu nkunu li mmexxu’l quddiem il-politika tagħna: il-PN ikompli jipproponi mill-Oppożizzjoni għall-ġid tal-pajjiż għax iqis li għandu jagħti sehmu, għax għada hu ta’ niesna minn għada.
Pajjiżna għandu l-potenzjal tal-għaqda. Il-kisbiet tal-Indipendenza u l-Unjoni Ewropea ġabuna lkoll aħwa Maltin. Ħlifna li ‘Flimkien ikun kollox possibbli’, u għaddejna mill-akbar inkwiet ekonomiku għax ma ħarisniex bl-uċuħ. Għax żammejna id f’id.
Jekk ‘Nirnexxu Lkoll Flimkien’, inkunu mill-ġdid bdejna nifhmu li l-politika hi biss ta’ servizz għal pajjiżna u mhux għal dawk li jmexxu orkestra pupazzi minn Kastilja, sakemm qabdu jitgħaqqdu fil-ħjut li ggranfaw magħhom biex żgur, ma jkollniex iċ-ċans li nirnexxu lkoll flimkien!