BLOGS

Xejn Ħlief l-Aħjar

Matul il-ġimgħa li għaddiet, hekk kif issa s-sena skolastika qabdet ir-rutina tas-soltu, kienu diversi programmi televiżivi lokali li kkonċentraw id-diskussjoni tagħhom fuq l-edukazzjoni, b’mod speċifiku mill-perspettivi tal-politiċi midħla fil-qasam, il-ġenituri u l-istudenti nfushom.

Minkejja li hija naturali li f’daż-żminijiet, jinħass element ta’ entużjażmu u pożittività fil-konfront tas-sistema edukattiva Maltija, li matul diversi leġiżlaturi Nazzjonalisti ngħatat l-ogħla importanza tant li llum ipprogressat tassew, kien ta’ diżappunt għalija li, fi programm minnhom, ħassejt lill-Ministru tal-Edukazzjoni, l-Onorevoli Evarist Bartolo aktarx nieqes minn ċerta konvinzjoni li l-iskejjel tal-Istat ma huma xejn ħlief l-aħjar.

F’argument intens, innutajt li fi kliemu, qiegħed jemmen li l-iskejjel tal-Knisja u tal-Privat huma aħjar minn dawk tal-Istat tant li l-mira ewlenija min-naħa tal-Gvern hija li jipprova jlaħħaq mas-suċċessi li dawn tal-ewwel qegħdin jiksbu. Għalkemm nifhem l-argument tiegħu, għax fir-realtà din hija l-perċezzjoni hemm barra fost is-soċjetà inġenerali, ma narax li din l-attitudni hija xierqa fil-kuntest tal-istess argument.

Matul dawn l-aħħar snin, hekk kif l-Ewropa tinsab għaddejja taffaċċja sfidi wara sfidi minħabba l-mewġa ta’ immigrazzjoni, Malta, li hija wkoll fl-istess ilmijiet, qiegħda taffaċċja sfidi ġodda li din is-sitwazzjoni qiegħda ġġib fl-iskejjel tagħna, l-aktar dawk tal-Istat. Fil-fatt, il-Gvern, għandu l-obbligu jospita lil mijiet ta’ studenti ġejjin minn pajjiżi diversi u joffrilhom kull possibbiltà għal edukazzjoni daqskemm huwa obbligat li joffri lil dawk Maltin. Jidher li għal dan ix-xenarju, is-sistema edukattiva tagħna għadha mhix preparata. Għandna sitwazzjonijiet allarmanti fejn studenti Maltin huma ‘out numbered’.

Jeżistu każijiet fejn aktar minn 90% ta’ klassi, huma barranin bil-konsegwenzi kollha li dawn ix-xenarji qegħdin iġibu magħhom fuq l-istudenti Maltin infushom, l-għalliema u l-ġenituri. Li nitilqu mill-argument ta’ ‘integrazzjoni’ u ma nsalux għal dak ta’ ‘inklużjoni’ f’dan ir-rigward, inkunu qed infallu quddiem din l-isfida. L-integrazzjoni, għandha tagħraf il-bidu tagħha f’ambitu inklussiv, imma biex inkunu aktar inklussivi, l-edukaturi jridu jkunu mgħammra u mħarrġa sabiex jaslu għall-għan aħħari, dak li joffru ambjent li jgħin lil dawn l-istudenti barranin jintegraw. Irridu għalhekk, noffru alternattivi u ma nistennewhomx biss jintegraw ruħhom għax hekk mistenni minnhom.

Għaldaqstant, din hija sfida li llum irridu negħlbu lkoll flimkien, dejjem jekk nikkonfrontawha b’ħafna pożittività u nemmnu li nistgħu negħlbuha. Għalhekk, ma nistenna qatt, lill-ebda Ministru tal-Edukazzjoni jipprova jiġġustifika l-fatt li l-Gvern qiegħed jipprova jlaħħaq mal-iskejjel tal-Knisja u tal-Privat.

Irridu nirrikonoxxu li l-Gvern għandu r-riżorsi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu, inkluż miljuni kbar li jiġi investiti kull sena sabiex inżommu mal-pass tajjeb li nbeda matul is-snin. Irridu nirrikonoxxu wkoll li qabel xejn, il-Gvern bħala ’employer’ hu dejjem aktar attraenti minn kull ’employer’ ieħor u għalhekk għandu għażla wiesa’ li minnha jista’ jagħżel l-aħjar. Ma nistgħu qatt nikkumparaw l-iskejjel li nbnew dan l-aħħar ma’ dawk tal-Knisja, b’dawn tal-ewwel huma mgħammra tista’ tgħid b’kull ma teħtieġ is-sistema edukattiva tagħna llum f’dawn iż-żminijiet, u anke b’ċertu lussu.

Fl-istess waqt nifhem, iżda, għaliex il-Ministru qiegħed iħoss li l-iskejjel tiegħu mhumiex iżommu mal-pass li kienu mixjin fih tul is-snin ta’ qabel. Napprezza, u nifraħ lill-Ministeru għall-investiment ta’ aktar minn €40 miljun matul dawn l-aħħar xhur, imma nħoss li sfortunatament, il-miżien ixaqleb bil-goff lejn ċerti skejjel biss. Ir-realtà hija li diversi skejjel li qed jiġu ‘phased out’ mhumiex jingħataw ir-riżorsi – fosthom dawk umani, anke biex jikkonfrontaw il-mewġa tal-barranin – li jeħtiġilhom biex pajjiżna jagħti lil uliedna l-aqwa esperjenza skolastika.

Hija ħasra li ma nirrealizzawx, li kull student għandu biss esperjenza waħda ta’ skola sekondarja. Huwa l-każ li studenti li nqabdu fi skejjel ‘phased out’, mhumiex jingħataw l-istess esperjenza bħal dawk li qegħdin fi skejjel li għal raġuni jew oħra ġew investiti l-miljuni u nħarsu lejhom bħala l-figura ċentrali tax-‘xejn ħlief l-aħjar’.

Din hija sfida li qed naffaċċjaw, imma hija wkoll sfida li qed inġibuha b’idejna għaliex nemmnu li nistgħu nkunu biss ‘xejn ħlief l-aħjar’ fejn jaqblilna biss u mhux f’kull skola. Uliedna huma lkoll l-istess u għandhom ikunu ttrattati daqstant ieħor.

Dan l-artiklu deher fil-ħarġa ta’ In-Nazzjon tat-Tnejn, 12 ta’ Ottubru 2015

Justin Schembri hu kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq it-8 distrett